“Il-Vojt” ħati li ddefenda ruħu b’mod eċċessiv; 5 snin ħabs

Aġġornat 08:51 PM

Read in English.

Etienne Bartolo magħruf bħala “l-Vojt” instab ħati li ddefenda ruħu b’mod eċċessiv fl-inċident li fih miet Roderick Grech fl-2017. Bartolo kien akkużat bil-qtil ta’ Grech, imma ma nstabx ħati ta’ dan. Ġie kkundannat ħames snin ħabs.

Il-ġurati waslu għal dan il-verdett wara sitt sigħat ta’ diskussjoni.

Etienne Bartolo ta’ 36 sena qed jidher quddiem ġuri akkużat li fid-29 ta’ Marzu tal-2017 qatel lil Roderick Grech, meta ż-żewġt irġiel iltaqgħu f’Birkirkara biex jaqtgħu xi dejn fuq droga.

Bartolo nstab ukoll ħati li kiser il-paċi pubblika u li kien fil-pussess ta’ sikkina. Ġie ordnat ukoll iħallas €19,885 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-każ instema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-avukati tad-difiża kienu Edward Gatt u Mark Vassallo.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru parte civile.