“Il-vjolenza u l-gwerra qatt mhu se jwasslu għall-paċi” – Papa Franġisku

Fl-omelija tiegħu, waqt il-velja ta’ talb, il-Papa Franġisku rrefera għar-rakkont tal-ħolqien u kif Alla ra li kollox kien tajjeb.

Dan ifisser li d-dinja fil-qalb u l-moħħ ta’ Alla tfisser dinja t’ armonija u paċi.

Il-Papa Franġisku stieden lil dawk preżenti sabiex jistaqsu lilhom infushom jekk din id-dinja kinitx dik li wieħed jixtieq. Qal li d-dinja li nixtiequ hi dinja t’armonija u ta’ paċi mal-individwu nnifsu, fir-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor, fil-familji, fl-ibliet u bejn il-pajjiżi.

Żied jgħid li wieħed irid jasal jifhem li l-libertà vera tfisser li f’din id-dinja tagħżel modi li jwasslu għall-ġid komuni u li huma mmexxija mill-imħabba.

Meta l-bniedem iħares biss lejh innifsu jasal għall-vjolenza, il-firda, il-mibgħeda u l-gwerra. Il-Papa Franġisku reġa’ għamel referenza għall-ewwel ktieb tal-Bibbja, fejn hemm miktub li l-bniedem jidħol f’kunflitt miegħu nnifsu, jinduna li hu għeri u jaħbi lilu nnifsu għax jibża’ u anke jikser l-armonija u juża idejh biex joqtol lill-ħuh.

Fisser li kif insibu fil-ktieb tal-Ġenesi, li tkun uman tfisser li tagħti każ lill-ħaddieħor u għahekk il-vjolenza u l-gwerra jwasslu biss għall-mewt.

Il-Papa Franġisku kkonkluda billi talab lill-Insara kollha kif ukoll lil dawk l-aħwa ta’ reliġjonijiet differenti sabiex ma jinsewx li l-vjolenza u l-gwerra qatt m’hu se jwasslu għall-paċi.

Il-Papa żied jgħid li quddiem Ġesù Kurċifiss hemm biss il-lingwa ta’ rikonċiljazzjoni, maħfra u djalogu li jwassal għall-paċi.