“Il-vjolenza qatt ma twassal għall-paċi” – il-Papa

Il-Papa Franġisku wissa li l-vjolenza qatt ma twassal għall-paċi u appella lill-komunità internazzjonali biex tirrisolvi s-sitwazzjoni fl-Art Imqaddsa. L-appell sar jumejn wara li l-Istati Uniti ttrasferiet l-ambaxxata tagħha għal Ġerusalemm li wassal għal tixrid ta’ ħafna demm f’Gaza.
Il-Papa esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni “Jien inkwetat ħafna li t-tensjoni fl-Art Imqaddsa u Lvant Nofsani iggravat ħafna u bl-atti ta’ vjolenza, il-paċi, id-djalogu u n-negozjati aktar qed jitbiegħdu. Nixtieq nesprimi d-dieqa kbira tiegħi għal dawk li nqatlu jew sfaw feruti u nitlob għal dawk li qed isofru.”
Il-ġlied bejn l-Armata Iżraeljana u l-Palestinjani ħalla 58 persuna mejta u aktar minn 1300 oħra feruti.
“Il-vjolenza qatt mhu se twassal għall-paċi”, wissa’ l-Papa. “Gwerra ġġib oħra, il-vjolenza ġġib aktar vjolenza. Nistieden lill-partijiet kollha involuti u lill-komunità internazzjonali biex iġeddu l-impenn tagħhom biex jaraw li jirbħu d-djalogu, il-ġustizzja u l-paċi”.
Il-Papa Franġisku mbagħad stieden lil dawk li kienu preżenti għall-udjenza biex jitolbu miegħu għall-paċi u jgħidu flimkien Ave Marija, lil-Madonna Reġina tal-Paċi biex ikollha ħniena minna.