Il-vjolenza mhux qed tħalli li jsiru funerali ta’ tfal maqtula fis-Sirja

Tfajla żagħżugħa li kellha taħrab minn Idlib minħabba l-ġlied tidher qed iġġorr tarbija lejn kamp fejn qed toqgħod temporanjament © Save the Children

Familji f’Idlib, is-Sirja qed ikollhom jgħaddu mingħajr funerali għal tfal li nqatlu fl-aħħar ġlied waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-inħawi tal-kunflitt. F’dan il-ġlied inqatlu 61 tifel u tifla fl-aħħar xahrejn.

L-organiżazzjoni Save the Children iddokumentat dawn l-imwiet kaġunati minn bumbardamenti:

  • 11 inqatlu waqt li kienu l-iskola;
  • 25 oħra nqatlu fi djarhom;
  • 10 nqatlu waqt li kienu qegħdin is-suq;
  • 2 tfal oħra nqatlu fil-kamp fejn qed jgħixu għax m’għandhom dar;
  • 1 li kien l-isptar miet meta l-isptar spiċċa bbumbardjat ukoll;
  • 11 inqatlu f’diversi postijiet oħra;
  • Tifel ieħor miet meta laqgħat splussiv li kien twaddab f’bumbardament xi jiem qabel.

300,000 persuna telqu minn djarhom

Il-vjolenza fit-Tramuntana tas-Sirja diġa’ wasslet biex aktar minn 300,000 persuna  kellhom jitilqu minn djarhom mill-bidu ta’ Mejju li għadda. Barra mit-tfal inqatlu wkoll bejn 160 u 300 persuna ċivili oħra.

Save the Children qalet li l-familji tat-tfal maqtula, minħabba l-ġlied kontinwu ma kellhomx ċans jagħmlu funeral lit-tfal tagħhom.

Il-familji huma mkissra.  Missier qal li kien fortunate Ii sab żewġ oqbra mħaffra fejn seta’ jidfen liż-żewġ uliedu bniet qabel jaħrab flimkien mal-bqija tal-familja. Dawn il-familji mhux biss tilfu lil uliedhom imma anqas għandhom ċans jagħtuhom funeral diċenti għax ikollhom jaħarbu mill-post biex jipproteġu lil uliedhom l-oħra.

70,000 tifel u tifla bla edukzzjoni

Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti jgħid li 35 skola ġarrbu ħsarat minn Mejju ‘l hawn. 65% tal-iskejjel f’Hama kellhom jagħlqu kif għmlu wkoll 18-il ċentru tal-komunità. Dan ħalla lil madwar 70,000 tifel u tifla mingħajr edukazzjoni.

Save the Children qalet li filwaqt li n-numru ta’ mwiet qed jikber, it-tfal qed isofru ħafna mill-impatt tal-isplużjonijiet fuq il-ġisem dgħajjef tagħhom. Għalhekk appellaw lil kulħadd biex jirrispetta l-Liġijiet Umanitarji Internazzjonali u jassigura li l-iskejjel, sptarijiet u binjiet ċivili oħra jkunu protetti minn dawn l-attakki.