Il-vjolenza f’Morelos fil-Filippini thedded il-futur taż-żgħażagħ

Skont klassifika li ħarġet aktar kmieni din is-sena fost l-għaxar bliet l-aktar vjolenti fid-dinja hemm Acapulco u Tijuana fl-ewwel żewġ postijiet. Aktar l-isfel, fost l-aktar 50 post vjolenti hemm ukoll il-bliet ta’ Ciudad Victoria, Tamaulipas, Cuidad Juaez, Chihuahua, Irapuato u Guanajuato, lkoll fil-Messiku.

L-Isqof Ramon Castro tad-djoċesi Messikana ta’ Cuernavaca, f’intervista li ta lill-aġenzija FIDES tkellem dwar il-vjolenza li hemm bħalissa fl-istat ta’ Morelos, fil-Filiipini wkoll.

Produzzjoni u traffikar ta’ droga

“Fl-istatistika tad-delitti kbar għal kull 100,000 abitant, l-istat żgħir ta’ Morelos hu wieħed mill-ewlenin u minn dejjem kien minn ta’ quddiem net għall-ħtif ta’ persuni u l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga”.

Fost l-elementi li jikkaraterizzaw il-vjolenza f’dan l-istat hemm il-korruzzjoni u l-impunità. Gruppi kriminali qasmu t-territorju ta’ dan l-istat u qed jobbligaw lil kważi 75% tan-negozji li hemm fih iħallsuhom speċi ta’ taxxa fissa. Fl-aħħar sitt snin il-Gvern ħalla lil dawn il-gruppi jwettqu din il-korruzzjoni liberament, qal l-Isqof Castro.

“Fost dawn l-gruppi, il-‘Colombians’ issetiljaw f’Morelos u qed jagħmlu attività kbira ta’ ħasil ta’ flus. Dawn jisilfu l-flus lill-foqra u lil dawk fil-bżonn b’rati ta’ interess għolja ħafna u meta dawn il-foqra ma jħallsux id-dejn, jiġu msawta jew jinqatlu.”

“Fi proġetti kriminali żgħar, iqabbdu żgħażagħ li jkunu qed ifittxu x-xogħol biex jaqduhom fil-ħsieb kriminali tagħhom”.

Min-naħa tagħha l-Knisja tipprova tkun għas-servizz tal-vittmi permezz ta’ ħidma pastorali li ssir fiċ-ċentri tagħha fejn il-vittmi jkunu megħjuna minn professjonisti speċjalizzati li jgħinuhom jiffaċċjaw it-tbatija u t-traġedji li jkunu għaddew minnhom.

Kriminalita organizzata

L-Isqof Castro żied jgħid li “il-kriminalità organizzata, qed issir il-veru kankru ta’ dan l-istat. Ġimgħatjen ilu, fil-pjazza ewlenija tal-belt, żewġ negozjanti inqatlu fid-dawl tax-xemx u żewġ persuni oħra sfaw feruti.  Barra minn dawn, tliet persuni oħra nqatlu quddiem is-Seminarju, żewġ hairdressers inqatlu f’Paloma de La Paz, fil-viċin. Ħafna minn dawn in-nies inqatlu għax ma ħallsux lura d-dejn li kellhom mal-gruppi kriminali.”

Fejn tidħol l-attività pastorali, il-Knisja torganizza Mixja għall-Paċi filwaqt li kuljum, mat-talba tal-Angelus, isir talb għall-paċi fil-familji, fil-postijiet tax-xogħol fil-pajjiż u fil-Knisja. Il-Marċ għall-Paċi ta’ din is-sena sar nhar is-Sibt li għadda.