Il-vjolenza domestika gravi għax issir f’post li għandu jagħti kenn – Delia

PN

Read in English.

Il-vjolenza domestika hija aggravata għax issir f’post li għandu jagħti kenn, skont il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Delia qal dan waqt attività organizzata mill-PN għall-okkażżjoni ta’ Jum il-Mara. Fiha tkellmu diversi nisa minn oqsma differenti tas-soċjetà.

“Raġel kissirni; raġel ġabarni”

Waqt l-attività tkellmet l-intraprenditur Ruth Galea Pace. Qalet li wieħed mill-mottos tagħha huwa li raġel kissirha u raġel ġabarha.

Galea Pace tkellmet dwar l-esperjenza tagħha fejn spiċċat vittma tal-vjolenza domestika. Spjegat li spiċċat tgħix f’shelter u issa saret mara ta’ suċċess.

“Ħriġt minn hemm u bdejt nara kif ħa nibni ħajti,” qalet Galea Pace. Appellat lil dawk in-nisa li qed jaffaċċjaw il-vjolenza domestika biex ifittxu l-għajnuna.

Saħqet li l-irġiel mhumiex kollha l-istess u li issa ilha 22 sena miżżewġa f’relazzjoni pożittiva. Irringrazzjat lir-raġel tagħha tal-għanjuna li offra meta kellha bżonn.

Delia qal li Ruth Galea Pace ħarġet minn sitwazzjoni diffiċli u faħħarha tal-kuraġġ tagħha. Qal li l-vjolenza domestika hija aggravata għax issir f’post fejn wieħed suppost isib il-mistrieħ.

“Għandna aħna nitolbu lin-nisa biex ikunu fuq quddiem sabiex ibiddlu s-soċjetà tagħna f’kull qasam. Għaliex in-nisa jġibu magħhom perspettiva differenti u valur kbir”, qal il-Kap Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li meta l-Gvern Laburista jiftaħar li kellu jkun l-iżjed gvern femminista fl-istorja ta’ Malta, fil-pajjiż hemm l-agħar rekord fil-gender pay gap u fl-ammont ta’ nisa fil-bordijiet. Huwa qal li għall-Gvern Laburista l-mara hija biss prodott u bil-liġijiet għall-prostituzzjoni li qed jimbotta ‘l quddiem, qed jgħid b’mod ċar li fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet mhemmx il-valur uman iżda l-flus. Qal li dan meta 40 għaqda mhux governattiva qegħdin jgħid lill-Gvern biex ma jbiddilx lil Malta f’ċentru tal-prostituzzjoni.

‘Negattiv jgħidha min ma jridekx aħjar minnu’ – Debono

Waqt l-attività l-Editor-in-chief ta’ Newsbook.com.mt Sylvana Debono qalet li affarijiet li jeskludu lil dak u lill-ieħor għandhom sinifikat speċjali għan-nisa għax jibdew jaħsbu meta se jkun imiss lilhom. Saħqet li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament għadha batuta, però ma taqbilx mal-kwoti. Debono qalet ukoll li n-nies għandhom jipproteġu wkoll id-drittjiet tat-tarbija fil-ġuf. Appellat ukoll lin-nies biex ma jiffokawx fuq stejjer ta’ gossip li jtellgħu ċertu siti onlajn imma minflok jaqraw stejjer li aktar jisfidaw.

“Negattiv hi xi ħaġa li jgħidlek min ma jridekx aħjar minnu,” qalet Debono.

Waqt l-attività tkellmu wkoll Dr Alessia Psaila Zammit u Claudette Buttigieg.

Delia qal ukoll li huwa importanti li jkun hemm rappreżentanza ikbar tal-ġeneri fil-Parlament, mhux biss għaliex huwa dritt tal-mara iżda wkoll għaliex huwa importanti għall-Parlament stess biex ikun hemm rappreżentanza akbar tas-soċjetà sħiħa.

Fil-bidu tal-2019 Adrian Delia kien qed jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika. Filwaqt li qal li filmati li ġew iċċirkolati kienu editjati, Adrian Delia saħaq li l-pożizzjoni ta’ mexxej politiku ma tibqax tenibbli jekk jinstab ħati li wettaq vjolenza domestika. Delia qatt ma tressaq ‘il Qorti dwar dawn l-akkużi.

F’reazzjoni għal dak li qal Delia l-Partit Laburista qal li Delia ma jista’ qatt ikun kredibbli meta jitkellem kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

“Filwaqt li jilqa’ b’mod pożittiv din id-diskussjoni, il-Partit Laburista jfakkar kif kien Adrian Delia nnifsu li bla rimors ivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fl-2018,” qal il-PL.