Il-vjaġġ tiegħek min-Naxxar dalwaqt jiqsar

vjaġġ Naxxar jiqsar

Parti mit-Telgħa t’Alla u Ommu fin-Naxxar qed titwessa’ biex jiġi eliminat l-ixkiel li hemm bħalissa hekk kif il-karreġġjata lejn in-Naxxar tidjieq għal korsija waħda.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta qalet li t-telgħa hija waħda mir-rotot ewlenin bejn it-tramuntana u ċ-ċentru tal-pajjiż, li twassal lil dak li jkun minn San Pawl il-Baħar, il-Magħtab u Burmarrad lejn il-Mosta, l-Birguma u n-Naxxar, fost oħrajn. Il-parti ta’ fuq nett tat-triq bħalissa tidjieq forma ta’ lembut minn żewġ korsiji għal korsija waħda. Dan qed iwassal għal dewmien fl-ivvjaġġar, aktar riskji ta’ aċċidenti, u diffikultajiet oħra hekk kif dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn din it-triq ikollhom jaqilbu minn żewġ korsiji għal korsija waħda, qabel jaslu għar-roundabout tal-Birguma.

Permezz ta’ proġett li Infrastructure Malta bdiet il-ġimgħa li għaddiet, din il-parti tat-triq qed titwessa’ sabiex tinfetaħ it-tieni korsija mat-telgħa kollha minn Burmarrad sar-roundabout tal-Birguma. Dan ix-xogħol jinkludi l-bini ta’ sisien ġodda għall-korsija l-ġdida, bini mill-ġdid tal-bankini, u l-ħitan tal-ġnub tat-triq skont il-wisa’ ġdida tat-triq, kif ukoll il-kisi ta’ wiċċ it-triq b’asfalt ġdid.  

Se tkun magħluqa b’mod temporanju

Minħabba dawn ix-xogħlijiet, fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, bejn nofs il-lejl (00:00) u l-erbgħa ta’ filgħodu (04:00), il-karreġġjata minn Burmarrad lejn in-Naxxar se tkun magħluqa b’mod temporanju. Dawk li f’dan il-ħin ikunu qed jivvjaġġaw min din iż-żona għandhom jevitaw dan l-għeluq billi jgħaddu minn Triq Burmarrad lejn l-inħawi ta’ Tarġa Gap, il-Mosta. It-twessigħ ta’ din il-parti tat-Telgħa t’Alla u Ommu huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru.