Il-Viżitatur Appostoliku bi pjanijiet biex ikabbar Medjugorje

Statwa tal-Madonna barra l-Knisja ta' San Ġakbu f'Medjugorje, Bosnia-Herzegovina

L-Arċisqof Pollakk li l-Papa qabbad biex jieħu responsabbiltà tas-Santwarju Marjan ta’ Medjugorje, tkellem dwar pjan ta’ espansjoni, fosthom billi jkun hemm aktar quddies b’lingwi differenti u aktar faċilitajiet għall-pellegrini żgħażagħ li qed imorru bi ħġarhom iżuru l-post fejn allegatament dehret il-Madonna.

“Medjugorje tirrappreżenta l-pulmun spiritwali tal-Ewropa, post fejn miljuni ta’ nies qed jiskopru ‘l Alla u s-sbuħija tal-Knisja” qal l-Arċisqof Henryk Hoser, Arċisqof irtirat ta’ Varsavja.

“Irridu noħolqu mill-ġdid l-infrastruttura tal-post, l-ewwel billi nassiguraw l-ispazju liturġiku. Irridu nkabbru wkoll iż-żona tal-irtiri u nipprovdu postijiet ġodda fejn tkun ċelebrata l-Ewkaristija, speċjalment għall-pellegrini.” qal il-Viżitatur Appostoliku.

Ħafna nies jaraw biss “il-lat soċjoloġiku tal-Knisja, li hu wkoll il-wiċċ tal-midinbin u ma jifhmux il-missjoni reliġjuża tagħha” qal l-Arċisqof waqt li kien qed jitkellem f’Ċentru taż-Żgħażagħ ġdid f’Varsavja.

“Aħna lkoll responsabbli għall-Knisja – ilkoll imsejħa biex inkunu appostli, evanġelizzaturi u għalliema, kulħadd skont id-doni li tah Alla. Barra mill-qaddisin żgħażagħ li jitilqu jiġru hemm ukoll dawk li jeħduha bit-tul, li jimxu bil-mod, li jimmatura matul is-snin imma li wkoll jilħqu l-mira tal-qdusija,” qal Mons. Hoser.

Hu qal li jittama li aktar saċerdoti jmorru Medjugorje jamministraw is-sagramenti u jippreparaw lill-katekisti.

Bin-numru dejjem jikber ta’ viżitaturi – fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ – in-nies qed ikollhom jistennew fil-kju twil u fis-sajf it-temperatura titla’ għal 100 grad fil-50 konfessjonarju li hemm fis-Santwarju. Hemm bżonn ukoll li l-pjazza ewlenija quddiem is-santwarju titgħatta u rridu faċilitajiet aħjar għall-konferenzi u ħidma ta’ karità.

Ħafna gruppi jmorru minn pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant “fejn il-Knisja nxtorbot” u f’daqqa waħda “dawn in-nies qed jesperjenzaw il-grazzja t’Alla”. Dak li jolqtok ukoll hu l-fatt li issa nies li jżuru Medjugorje qed jirritornaw lejn pajjiżhom u jorganizzaw laqgħat ta’ talb, konferenzi u jagħmlu xogħol fil-komunità parrokkjali tagħhom, qal l-Arċisqof Hoser.

Mill-1981 kienu rappurtati aktar minn 40,000 dehra f’Medjugorje.

Kummissjoni Djoċesani studjaw id-dehriet li allegatament seħħew bejn l-1982 u l-1984 u bejn il-1984 u l-1986 u  l-Isqfijiet Jugoslavi studjaw id-dehriet bejn l-1987 u l-1990.  It-tliet kummissjonijiet ikkonkludew li ma setgħux jikkonkludu li kienu qed iseħħu avvenimenti sopraturali fil-pajjiż.

Rapport ta’ Kummissjoni maħtura mill-Papa fl-2010 biex jistudjaw dan id-dehriet, għadu ma kienx ippubblikat imma l-Papa Franġisku tkellem dwar il-ħidma tal-Kummissjoni.  Hu rrikonoxxa li l-pellegrini li jmorru f’dan is-santwarju Marjan jixirqilhom li jkollhom appoġġ u kura spiritwali, iżda esprima wkoll dubji dwar allegazzjonijiet li l-Madonna għadha tidher f’Medjugorje.