Il-vittma Caroline Magri b’qatgħa kbira m’għonqha

Il-vittma Caroline Magri nstabet mejta f’sodditha b’qatgħa kbira m’għonqha fl-appartament tagħha wara argument bejnha u bejn l-ekssieħeb tagħha.
Dan ħareġ mill-kumpilazzjoni tal-akkużat li bdiet tinstema’ llum hekk kif jinsab mixli bil-qtil ta’ Caroline Magri li seħħ fit-30 ta’ Settembru.
L-Ispettur Keith Arnoud, liema spettur ħa f’idejh il-każ, kien l-uniku xhud fl-ewwel seduta. Hu qal kif waqt l-interrogazzjoni l-akkużat kien ammetta li kien hu li qatel lill-vittma b’daqqiet ta’ sikkina.
Fil-kamra tas-sodda tal-vittma nstab titjir tad-demm kemm fuq is-sodda kif ukoll fuq l-għamara. Barra minn hekk instabu wkoll passi mdemmija tul il-kamra.
Instema’ kif mit-testijiet u t-tfittxijiet li saru fuq il-ħwejjeġ tal-akkużat fl-appartament tiegħu nstabu traċċi tad-demm tal-vittma.
Barra minn hekk, instema’ wkoll kif kemm il-vittma kif ukoll il-familjari tagħha ta’ sikwit kienu għamlu diversi rapporti fejn l-akkużat kien hedded lill-vittma u hedded li se jikkommetti suwiċidju.
Fuq għonq l-akkużat instabulu żewġ ġrieħi friski f’għonqu fejn ammetta li pprova jweġġa’ lilu nnifsu.