​Il-Vitals ma jistgħux ibigħu l-isptarijiet bla kunsens tal-Gvern – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Vitals Global Healthcare (VGH) ma tistax tinbiegħ sakemm mhux bil-kunsens tal-Gvern.
Waqt attività politika fil-każin tal-PN fir-Rabat Għawdex, Delia tkellem dwar il-bejgħ tal-VGH u dwar il-proġett tal-Università Amerikana f’Malta.
Delia fakkar kif l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa nbigħu lil kumpanija li qatt qabel ma kellha xi tip ta’ esperjenza mal-pazjenti. Stqarr li l-Gvern se jkun qed jibgħat lill-pazjenti morda Maltin għand xi ħadd li l-poplu Malti ma jafx min hu.
Delia tkellem dwar il-kuntratt ta’ bejn il-VGH u l-Gvern u qal li hemm klawżola li tgħid li l-VGH ma tistax tbigħ il-propjetà ħlief wara tliet snin li jkun tlesta l-investiment. Però, Delia qal li l-investiment lanqas biss kien beda. Sostna li l-isptarijiet ma jistgħux jinbiegħu lil ħaddieħor ħlief bil-kunsens tal-Gvern. Qal li l-Gvern huwa kompliċi biex l-investituri jkomplu jgawdu minn fuq il-poplu Malti. “Il-Gvern tagħna lkoll se jagħtihom iċ-ċavetta biex jidħlu ġewwa darna u jisirqu l-għeżeż affarjiet li għandna” saħaq Delia. Delia ddeskriva lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi bħala “ħalliel” li qed jisraq liċ-ċittadini tiegħu.
“Mhux b’kumbinazzjoni falliet l-Università Amerikana ta’ Malta”
Dwar l-Università Amerikana f’Malta Delia fakkar kif suppost kellhom jiġu l-eluf ta’ studenti iżda rriżulta li hemm biss 14. Qal li l-kumpanija ngħatat biċċa mill-isbaħ partijiet tal-pajjiż quddiem il-baħar. Fisser kif din l-istess kumpanija lanqas kellha esperjenza ta’ siegħa tagħlim mal-istudenti qabel ma waslet Malta.
Fi kliem Delia, mhix kumbinazzjoni li l-proġett falla iżda xorta ngħatat l-art.
“Ma daħlux ikissru bit-trakkijiet u bil-ħadid; isewsu bit-tbissima”
Dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż, Delia qal li ma kienx hemm bżonn l-Ewropa biex tgħid lill-Maltin x’inhu jiġri. Qal li bill-kontra ta’ dak li ġara fit-tmeninijiet, dawk li qed imexxu ma daħlux bit-trakkijiet u bil-ħadid ikissru l-Kurja jew il-Qorti. Qal li llum il-ġurnata bi tbissima bdew isewsu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Fi kliem Delia, f’pajjiż demokratiku l-Uffiċjali Pubbliċi mhumiex ogħla mil-liġi.
Saħaq li f’Malta qed jiġru affarijiet li mhux qed jingħataw attenzjoni. Delia qal li sakemm wieħed jiekol, joħroġ, u jieħu pjaċir ma jirrealizzax.
Sagħtejn biex tasal fuq ix-xogħol fi tliet snin
Dwar it-traffiku Delia qal li fi żmien tliet snin se jkun hemm grid lock fil-pajjiż u li persuna se tieħu aktar minn sagħtejn biex tasal fuq il-post tax-xogħol.
Dwar l-investiment ta’ €700 miljun li l-Gvern qal li se jinvesti fit-toroq, Delia qal li għalkemm it-toroq jiġu aħjar, il-problema tat-traffiku se tippersisti. Skont Delia, għall-Gvern l-importanti huwa li se jonfoq il-flus u mhux biex titjieb il-ħajja tal-familji.
Delia tkellem ukoll dwar is-servizzi finanzjarji ta’ Malta. Spjega kif dan is-settur huwa bbażat fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiż. Qal li f’Malta din ir-reputazzjoni tkissret fi ftit żmien u li Malta saret iċ-ċentru tal-kriminalità fejn anke tfal ta’ 21 sena fl-isport huma esposti għall-korruzzjoni.
Delia qal li 60% tax-xogħol f’Għawdex huwa mal-Gvern, bl-40% l-oħra jiddependu fuq il-Gvern b’mod indirett.
Adrian Delia enfasizza li l-Oppożizzjoni trid li ssir ħidma kollaborattiva biex il-ħażin jitneħħa minn Malta. Qal li l-Gvern ma jrid jagħmel xejn ħlief li jisma’ ċ-ċapċip ta’ dawk illuppjati bil-marketing tiegħu.

Delia njora t-temi ta’ importanza nazzjonali – PL
F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-PN injora temi ta’ importanza nazzjonali bħal l-Air Malta. Iddeskriva d-diskors bħala wieħed “negattiv mibni fuq il-qerq”.
Skont il-PL, fil-qasam tas-saħħa ma sar ebda bejgħ u fil-każ tal-Università Amerikana ta’ Malta jirriżulta mill-kuntratt li dan hu biss għal skop edukattiv u l-miri mhumiex dawk li semma’ Delia.
Il-PL qal li Delia “tkellem ukoll dwar min jisraq lill-poplu. Bħal ma serqu hu meta ma’ ħallasx it-taxxa.”