Il-virus tal-ħosba jerġa’ jinfirex madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa

Aktar minn 20 miljun tifel u tifla ma ngħatawx it-titqiba tal-ħosba madwar id-dinja għall-aħħar tmien snin. Dan wassal sabiex il-virus jitħalla jimraħ u jikkawża tifqigħat madwar id-dinja kollha, inkluż fl-Ewropa, skont rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-fond tat-tfal fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, Henrietta Fore qalet li l-virus tal-ħosba dejjem se jsib tfal li ma ħadux il-vaċċina. Sostniet li t-tifqigħat li qed tesperjenza d-dinja bħalissa huma riżultat ta’ passat fejn persuni ddeċidew li ma jagħtux it-titqiba.

Ir-rapport tal-UNICEF jgħid li stima ta’ madwar 169 miljun tifel u tifla ma ħadux l-ewwel doża tal-vaċċina bejn l-2010 u l-2017. Dan huwa ekwivalenti għal medja ta’ aktar minn 21 miljun tifel u tifla fis-sena. B’riżultat ta’ dan, l-umanità terġa’ ssir aktar vulnerabbli għall-marda tant li l-ewwel kwart tal-2019 ra erba’ darbiet aktar l-ammont ta’ persuni attakkati mill-virus mill-2018. Skont informazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, sa issa kien hemm 112,163 każ madwar id-dinja.

Fl-2017, madwar 110,00 persuna, fil-maġġoranza tfal, mietu kawża tal-ħosba. 22% aktar mis-sena ta’ qabel, skont il-UNICEF.

Il-ħosba hija marda li tittieħed faċilment li tista’ toqtol, tikkawża li persuna titlef id-dawl, tittarrax jew saħansitra ssir ħsara lill-moħħ. Bħalissa l-marda qed tinxtered madwar id-dinja, inkluż fl-Istati Uniti, l-Ewropa, il-Filippini, it-Tuneżija u t-Tajlanda.

Sabiex it-tfal ikunu protetti kontra dal-virus, iridu jieħdu żewġ dożi tal-vaċċin tal-ħosba. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa din id-doża twassal sabiex persuna tkun 95% koperta milli timrad bil-virus.