Il-virus ma nbidilx; ir-responsabbiltà hi tagħna lkoll – Prof. Calleja

REUTERS/Loren Elliott

F’dan il-mument paritkolari li qed ngħixu, fejn ninsabu f’salib it-toroq, huwa importanti li napprezzaw ir-responsabilità li għandu kulħadd. Il-verità hi li minn perspettiva ta’ saħħa, l-affarijiet ma nbidlux ilbieraħ jew il-jum ta’ qabel. Il-virus għadu magħna, bl-istess perikli li kellu lbieraħ, ġimgħa ilu u xahar ilu.

Dan qalu waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103, il-Professur Neville Calleja Direttur tad-Direttorat tal-Informazzjoni tas-Saħħa u r-Riċerka.

Huwa importanti li ma nitradux il-fiduċja ta’ xulxin

Il-Professur Calleja qal din ir-responsabilità trid tinġarr minn min qiegħed jipprovdi dawn is-servizzi li qegħdin jinfetħu, però aktar tagħna bħala poplu, bħala individwi, bħala membri ta’ soċjetà, li rridu nibżgħu għalina nfusna u għal xulxin.

Huwa spjega li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa tixbaħ lil dak il-ġenitur, li jagħti ċ-ċavetta lil uliedu, li għalkemm forsi minn ġewwa jħoss li m’għandux jagħti ċertu libertà, jaf li wasal iż-żmien li jafda. L-importanti hu li ma nitradux il-fiduċja ta’ xulxin.

Is-suċċess huwa mertu biss tar-rispett li żammejna aħna lejn xulxin

Prof. Calleja rrimarka li s-suċċess li kellna ma kienx biss frott tas-servizzi tas-saħħa imma mertu tal-poplu hemm barra, li għaraf jirrispetta lil ħaddieħor.

Il-Professur Calleja qal li ġaladarba nitilfu dan ir-rispett forsi għal raġunijiet ekonomiċi, inkunu nirriskjaw li s-suċċess ta’ kif immaniġġjajna l-Covid-19 sa issa, jinbidel fi traġedja b’detriment għal kollox.

“Is-suċċess huwa mertu biss tar-rispett li żammejna aħna lejn xulxin”, spjega l-Professur Calleja.

Il-kawtela hija kruċjali

Huwa spjega li l-persuni vulnerabbli, jew suxxettibli aktar minn ħaddieħor, għandhom jibqgħu kawti. Minkejja li ċertu postijiet fejn wieħed jista’ jmur, bdew jinfetħu, il-periklu għadu ma spiċċax.

“Jekk għandi bżonn immur għand il-hairdresser, għax inħoss il-bżonn, l-għada ma mmurx għand il-beautician u ta’ wara għand tal-ħanut – dan hu riskju kumulattiv”, fisser Prof. Calleja.

Jibqa kruċjali li nillimitaw l-esposizzjoni (exposure) tagħna kemm jista jkun u fejn għandna bżonn nagħmlu użu min dawn is-servizzi, importanti li naraw li il-linji gwida li qed jingħataw jiġu segwiti – kemm mill-klijent u kemm min qed jiprovdi s-servizz.

Il-Pulizija qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi tagħna

Tul il-programm, ipparteċipa wkoll Johann Mifsud, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Malta Police Association, li spjega li r-rwol tal-Pulizija huwa wieħed li jħares lis-soċjetà. Fisser li l-Covid-19 wassal biex il-ħarsien tas-soċjetà jirrikjedi li l-pulizija jaraw li l-miżuri jkunu osservati fl-interess tas-saħħa ta’ kulħadd. Fl-istess nifs stqarr li l-pulizija trid tibqa’ tara li tiġġieled il-kriminalità, għax il-kriminalità ma’ waqfitx.

Huwa f’dan il-kuntest l-appell li sar li l-messaġġi għandhom jgħinu biex nosservaw il-liġi b’responsabilità lejn xulxin.

Rappurtaġġ addizzjonali Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn