Il-virus li jista’ jsalva l-Milied

Il-Hogfather (karattru maħluq minn Sir Terry Pratchett fir-rumanz bl-istess titlu) kien tip ta’ Father Christmas li fil-festa ta’ Hogswatchnight li taħbat fit-32 ta’ Diċembru, kien iqassam ir-rigali lit-tfal.

Dawk li fir-rumanz jissejħu l-Awdituri tar-Realtà jiddeċiedu li joqtluh iżda l-Mewt ma tkunx trid. Hija temmen li huwa importanti għan-nies li jemmnu f’affarijiet bħall-Hogfather u t-Tooth Fairies. Lin-neputija tagħha Susan tgħidilha li t-twemmin fil-fantasiji huwa importanti għall-bnedmin.

Il-Milied: festa ta’ radikalità politika

Il-Milied sar vittma ta’ dan it-twemmin fl-importanza tal-fantasiji u matul iż-żminijiet għal raġunijiet differenti, tneżża’ mir-radikalità tiegħu. Holmes fil-ktejjeb tiegħu dwar dan is-suġġett jgħid kif fl-era Vittorjana l-Milied kien immansat f’festa ta’ ċelebrazzjoni għall-familja b’niskata ta’ karità. Il-kapitaliżmu mbagħad ittrasforma l-Milied f’xalata ta’ konsumiżmu.

Il-Milied sar ifisser parties, festi, rigali, tiżjin, aktar parties, vjaġġi ta’ vaganza, aktar rigali, xiri u nfiq. Issa li l-virus tal-Covid -19 għamilha diffiċli li nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu, allura ħafna qed jgħidu li din is-sena m’hawnx Milied.

Il-verità hija li, kif jgħid il-Papa Benedittu, il-Milied ta’ veru mhux il-Milied imniġġes mill-konsumiżmu. Il-Milied mibni fuq il-konsumiżmu huwa Milied politiku li jigglorifika ekonomija mibnija fuq is-suq u fuq il-konsum. Il-Milied ta’ veru huwa mibni fuq politika mibnija fuq il-bniedem. Il-Milied ta’ veru jagħtina sistema politika għalkollox differenti mill-Milied neoliberali.

Il-Milied ta’ veru mhux aljenazzjoni jew ħarba mir-realtà. Għall-kuntrarju, il-Milied ta’ veru jġibna qrib ta’ Alla li daħal b’qawwa fir-realtà umana billi sar parti minn din ir-realtà għax sar bniedem. U Alla għamel dan biex il-bniedem ikollu l-possibbiltà li jissieħeb fin-natura ta’ Alla. Li tkun Nisrani jfisser li anke inti tidħol fil-qalba tar-realtà umana biex issalva dik ir-realtà umana mill-inġustizzja, min-nuqqas ta’ ugwaljanza u mit-tkasbir tad-dinjità umana, li kollha huma dnubiet kbar.

Il-Milied: issir rigal mhux tagħti rigal

Il-Milied ta’ veru mhux dwar li nagħtu r-rigali iżda dwar li nsiru rigal. Alla sar hu rigal għalina mhux tana rigal. Kristu, l-idea li inti tkun rigal, wettaqha bil-kbir fl-Ewkaristija. F’dik l-ikla fejn is-sid jaqdi u jaħsel ir-riġlejn mhux jiddetta, Huwa jsir riġal li jitwaħħad magħna bl-aktar mod intimu u jsir parti minna.

Il-Milied ta’ veru huwa radikali u rivoluzzjonarju. Quddiem il-qawwa tal-Imperu li kien jemmen fil-Pax Rumana mibnija fuq armati b’saħħithom, fil-Milied l-anġli kantaw li l-paċi hija għan-nies ta’ rieda tajba mhux għas-setgħana. Marija kienet diġà kantat li Alla jwaqqa’ lis-setgħana u jgħolli l-umli.

Il-Milied jimmilita kontra soċjetà li teskludi. Kienu r-ragħajja, l-imwarrba u l-iskart tas-soċjetà ta’ żmienhom li sabu post madwar il-maxtura u mhux il-kbarat, l-għonja u s-setgħanin.

L-aljenati kienu dawk li ma indunawx bit-twelid li kellu jbiddel id-dinja għax poġġew is-sigurtà tagħhom fil-kumdità tal-belt lil hinn min dak li qiesu bħala l-baħħ tal-għar. In-Nisrani jagħmel għażliet bil-maqlub ta’ dan fil-Milied.

Il-Milied: ġrajja deċiżiva

Il-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa kellu diskors qawwi dwar it-tifsira vera tal-Milied.

“In-Nisrani jaf li l-Milied huwa ġrajja deċiżiva … li m’għandhiex tkun identifikata ma’ affarijiet li jgħaddu. … Huwa importanti li l-Milied ma jkunx imċekken għal sempliċi sentiment jew festa ta’ konsum. Il-Ħadd li għadda ġbidt l-attenzjoni għal din il-problema biex nenfasizza li l-konsumiżmu ħakem il-Milied. Le: Il-Milied m’għandux ikun ridott għal sentiment jew festa ta’ konsum, mimlija rigali u xewqat sbieħ iżda fqir fil-fidi u fqir fl-umanità.

Għalhekk huwa importanti li nrażżnu ċerta mentalità mundana li mhix kapaċi li tinduna bid-dawl li joħroġ mill-fidi tagħna li ‘Il-Verb sar bniedem u għammar fostna mimli bil-grazzja u bil-verità.’ Din hija l-qalba tal-Milied; anzi, din hija l-verità dwar il-Milied u m’hemmx oħra.”

Il-virus tal-Covid-19 ta daqqa ta’ ħarta kbira lis-soċjetà tal-konsum. Jekk inunu għaqlin jista’ allura jiġri li dak ikun żmien li jgħinna niskopru l-Milied ta’ veru lil hinn mix-xinxilli.

Il-Milied it-tajjeb.