“Il-virus għadda? Għidilna, Sur Gvern!” – Mifsud Bonnici

Miguela Xuereb

Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici qal li mingħajr il-verità pajjiż ikun qed jimxi fid-dlam u kawża t’hekk jaqa’ fl-agħar sfortuni. Dan qalu b’rabta mal-imxija tal-coronavirus.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-kumpanji, Mifsud Bonnici qal li waqt li l-Gvern qed jimbotta lin-nies imorru jgħumu kmieni din is-sena f’sens ta’ liberazzjoni, għadu jrid jgħidilna jekk il-pandemija għaddietx peress li qed jibgħat messaġġi kontrastanti.

Dan ingħad b’rabta mal-kritika li qala’ l-Prim Ministru Robert Abela meta ċaħad it-tieni mewġa tal-coronavirus. F’intervista fuq ONE TV il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru xejjen li għad tiġi, jew diġà waslet, it-tieni mewġa tal-pandemija f’Malta, u qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed, hu u jinkoraġġixxi lill-Maltin biex imorru jgawdu l-baħar.

Għadd ta’ esperti tkellmu kontra dan il-messaġġ tal-PM, peress li saħqu li t-tieni mewġa hija fatt xjentifiku, li qed jitkellmu fuqu l-ogħla esperti fid-dinja medika, fosthom Dr Hans Kluge, li huwa d-Direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa, li wissa li l-pajjiżi Ewropej għad jintlaqtu mit-tieni mewġa qattiela tal-coronavirus.

Mifsud Bonnici qal li minkejja li l-Gvern jaħseb li x-xemx fl-Ewropa titla’ minn Malta, dan il-virus ġab il-faqar. Skont Mifsud Bonnici tant hu minnu, li l-ħaddiema bid-dħul baxx li jinsabu fuq l-iskema tal-GWU sal-aħħar tas-sena 2019, telgħu għal 920.

Fl-istess ħin, il-Gvern għandu jagħti b’€55 biljun f’reviżjoni tal-VAT. Huwa qal li mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista huwa mnebbaħ mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si. Mifsud Bonnici stqarr li l-PN jibqa’ qrib il-prinċipji tiegħu li huma mnebbħa mill-politika soċjali tal-Knisja Kattolika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn