Il-VIPs Libjani ġew Malta biex jiddiskutu l-passaporti u l-visas

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, il-persuni li ħarġu mill-VIP Lounge tal-ajruport tard ilbieraħ wara nofsinhar, kienu l-Ministru għall-Intern Libjan u d-delegazzjoni tiegħu. Infurmati wkoll li fost l-oħrajn ġew biex jiddiskuui l-passaporti u l-visas.
Stqarrija li ntbagħtet mill-Gvern dalgħodu tgħid li lbieraħ stess saret laqgħa bejn il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia u l-Ministru għall-Intern Libjan Saaleh Abdurraheem Maaziq.
Il-Ministru Libjan flimkien mad-delegazzjoni li kienet tinkludi diversi kapijiet ta’ dipartimenti, waslet Malta għal ħabta tal-4.30pm fuq titjira privata tal-Libyan Airlines.  Hekk kif ħarġu mill-VIP Lounge tal-ajruport rikbu f’żewġ karozzi ta’ lewn iswed u ġew skortati minn tliet trakkijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Gvern qal li waqt il-laqgħa li kellu mad-delegazzjoni ġew diskussi diversi suġġetti, fosthom sigurtà, metodi dwar kif jista' jiġi evitat kuntrabandu ta' diversi oġġetti, koperazzjoni fuq taħriġ għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati, immigrazzjoni, kif ukoll kwistjonijiet ta' passaporti u visas.
Fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu organizzati diversi laqgħat bilaterali.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ilbieraħ qalet li ma kellhiex dettalji, filwaqt li mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali baqgħu mhux imwieġba.
Ritratt: DOI – Martin Attard