Aġġornata: Il-villa tar-Reġina f’Malta għall-bejgħ; Il-Gvern f’negozjati biex jixtriha

Read in English.

Il-villa li kienet ir-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta, illum ir-Reġina Eliżabetta II, u l-Prinċep Philip, bejn l-1949 u l-1951 fi Gwardamanġa, qiegħda għall-bejgħ bil-prezz ta’ €5,950,000. Intant, tħabbar fil-Parlament li l-Gvern qiegħed f’negozjati biex jixtriha.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar dan fi tweġiba supplimentari għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Bonnici qal li billi qiegħda għall-bejgħ, dan ma jfissirx li l-Gvern se jakkwistaha peress li l-villa hija propjetà privata u allura tista’ tkun negozjata mal-privat.

Villa Guardamangia, bini ta’ grad 2, jokkupa 1,560 metru kwadru, u għandu sala kbira, salott, kamra tal-ikel, kċina, sitt kmamar tas-sodda, tliet kmamar tal-banju, “sala nobile”, żewġ garaxxijiet u diversi kmamar li jwasslu għal ġnien kbir 900 metru kwadru.

Il-propjetà dehret għall-bejgħ fuq is-sit elettroniku ta’ Frank Salt, li ddeskrivew il-propjetà bħala waħda li “qed titlob li tiġi tranġata u li tagħmel residenza tajba jew possibbilment post kummerċjali.” Il-villa għandha wkoll il-veduta tal-Port ta’ Marsamxett mit-terrazzin ta’ fuq il-bejt.

Din hi l-konferma ta' Villa Gwardamangia.Fl-ahhar ta’ Marzu TVM xandar servizz b’intervisti mas-Sindku u ma’ ufficjal…

Posted by Josef Fitzpatrick on Tuesday, June 11, 2019

Il-Kunsillier Nazzjonalista tal-Pietà Josef Fitzpatrick qal li dan ir-riklam jikkonferma dak li hu kien ilu jgħid dwar Villa Guardamangia. Fuq Facebook irrefera għal intervista li saret mill-istazzjon televiżiv nazzjonali mas-Sindku tal-Pietà u mal-Kap tal-operat tal-Heritage Malta Kenneth Gambin meta kienu ssemmew diskussjonijiet dwar il-bejgħ ta’ din il-villa. Gambin kien qal li jixtieq li l-Heritage Malta takkwista l-propjetà biex tiġi restawrata. Fitzpatrick kien ippreżenta mozzjoni quddiem il-Kunsill Lokali tal-Pietà fit-12 ta’ Marzu li għadda li ġiet diskussa fil-25 ta’ Marzu.

Fil-mozzjoni, il-Kunsillier kien talab lill-Kunsill jikkunsidra li jitlob lill-awtorità inkwistjoni biex tintervjeni, biex jiġu identifikati s-sidien u jistabbilixxu jekk għandhomx in-neċessitajiet meħtieġa biex il-villa tiġi restawrata. Jekk dan kellu jirriżulta fin-negattiv, il-mozzjoni kienet titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jintervjenu huma sabiex jirrestawraw il-villa. Kien suġġerit li b’hekk, il-villa tkun tista’ titgawda mir-residenti, mill-Maltin, u anke sservi ta’ attrazzjoni turistika. Fitzpatrick kien issuġġerixxa li jekk jinstab li l-propjetà mhix ta’ individwi, Heritage Malta u l-Kunsill Lokali tal-Pietà għandhom ikunu responsabbli tagħha.