Il-Vigarju tal-Papa joġġezzjona għal liġi proposta fl-Italja

Il-Vigarju tal-Papa f’Ruma, il-Kardinal Agostino Vallini, ingħaqad mal-Isqfijiet Taljani li lbieraħ ikkritikaw aspetti mil-liġi tal-unjoni ċivili li qed jipproponi l-Gvern Taljan.
“Il-familja hi xi ħaġa oħra”, saħaq il-Vigarju tal-Papa hekk kif esprima ruħu kontra l-unjoni ċivili.
Fost il-punti delikati tal-abbozz ta’ liġi hemm l-adozzjoni ta’ tfal waqt li ssemmiet ukoll klawsola marbuta mal-kiri tal-ġuf.
Sadattant il-Gvern Taljan għadu maqsum dwar l-abbozz ta’ liġi, biċ-ċentru-lemin jinsisti li koppji omosesswali m’għandhomx jingħataw l-istess drittijiet ta’ żwieġ u ta’ tfal bħal koppja ffurmata minn raġel u mara.
Jidher li meta l-abbozz ta’ liġi jasal fil-Parlament, il-Gvern hu intiż li jħalli lill-Membri Parlamentari tiegħu jivvutaw skont il-kuxjenza.
Rapporti qed jgħidu li riżultati ta' stħarriġ, li jinsabu f’idejn il-Gvern Taljan, juru li 3 minn kull 4 fl-Italja huma kontra l-possibiltà lil koppji omosesswali li jadottaw it-tfal.