Il-vetturi f’Malta jitilgħu għal 335,249

Sa Diċembru li għadda, il-vetturi liċenzjati f’Malta reġgħu żdiedu.
Din id-darba, żdiedu bi kważi 3,000 vettura oħra meta mqabbla ma’ tliet xhur qabel.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), tul l-2014, l-għadd ta’ vetturi liċenzjati f’Malta żdied bi 12,289 biex sa Diċembru, l-għadd ta’ vetturi f’Malta tela’ għal 335,249.
80.7% tagħhom huma vetturi tal-passiġġieri.
Skont iċ-ċifri ppubblikati joħroġ li fit-tliet xhur bejn Ottubru u Diċembru li għadda, kien hemm 4,782 vettura li nħarġitilhom liċenzja, kien hemm 2,090 vettura li ġew iggaraxxjati waqt li 702 vettura oħra ġew skreppjati.
Mill-vetturi li nħarġitilhom liċenzja, il-parti l-kbira tagħhom kienu wkoll karozzi tal-passiġġieri.
Interessanti l-fatt li kien hemm iktar karozzi second-hand li nħarġitilhom liċenzja ġdida (2,767) milli karozzi mixtrija ġodda (2,015).
B’kollox, sa Diċembru, 60.6% tal-vetturi f’Malta kellhom magna petrol waqt li 39.1% kellhom magna diesel.