Il-veterinarju tal-Gvern jikkonferma li l-papri tas-Salina infettati

Il-veterinarju tal-Gvern ikkonferma li l-papri li jinsabu fis-Salina huma infettati bl-Influenza A subtype H6 (H6Nx). Fi stqarrija maħruġa mid-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji intqal li kważi l-papri kollha ġew rilokati għal post aktar sigur filwaqt li għaddejja ħidma biex jiġu rilokati t-tajr li għad fadal.

Id-direttorat talab lill-pubbliku biex ma jmissx it-tajr mingħajr l-approvazzjoni.

Kienet l-għaqda Birdlife Malta li rrappurtat li għadd ta’ papri domestiċi qegħdin imutu kuljum qrib ir-Riserva Naturali tas-Salina minħabba li jinsabu morda. BirdLife spjegat li l-art fejn jinsabu dawn il-papri ma taqax taħtha iżda huma infurmaw lill-Awtoritajiet kompetenti sabiex tittieħed azzjoni.

Fil-jiem ta’ wara din l-istqarrija, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali qal li qed jittieħdu azzjonijiet xierqa mill-istess awtoritajiet fid-dawl tas-sejbiet pożittivi tas-sottotip H6 tal-Influwenza A (H6Nx) fil-lokalità tar-Riserva Naturali tas-Salina. Dakinhar id-Direttorat kien spjega li m’hemm l-ebda riskju magħruf li l-bnedmin setgħu jiġu esposti għal din it-tip ta’ influwenza mill-annimali.