“Il-verità teħliskom” – Kardinal Awstrijak lil min ħeba l-abbużi

Il-Kardinal Schonborn - vuċi influwenti ħafna fil-Knisja Kattolika

Għall-kritika li l-Knisja m’għandhiex miżuri b’saħħithom ta’ kontabilità għall-abbużi mis-saċerdoti u anqas għal min jaħbihom, il-Kardinal Awstrijak Schonborn qal li hemm bżonn bidla fil-kultura. “Jien kbirt fis-snin 50 u 60 u dak iż-żmien l-attitudni kient li l-passat irridu naħbuh. Kien b’diffikulta li bil-mod il-mod tgħallimna dak li qal Kristu: il-Verità Teħliskom. Naħseb li issa fil-Knisja u fis-Soċjetà qegħdin f’dan il-proċess.”

Il-Kardinal Cristoph Schonborn li llum għandu 73 sena, għal dawn l-aħħar 30 sena ilu figura mportanti fil-Knisja Kattolika. Hu kien inħatar Arċisqof ta’ Vjenna fl-età ta’ 50 sena. Schonborn mhux ġdid għall-abbużi. U kien ħa t-tmexxija tal-Arċijoċesi ta’ Vjenna wara l-Kardinal Ħans Hermann Groer li kien akkużat li abbuża sesswalment minn żgħażagħ meta kien Abbati Benedittin.

Għalkemm Groer dejjem ċaħad dawn l-akkużi, Schronbon kien wassal lill-Isqfijiet Awstrijaċi biex jiddikjaraw li kienu “moralment konvinti” mill-verità ta’ uħud mill-akkużi kontrih. Fi ktieb dwar il-Kardinal Groer kien intqal li dan abbuża minn aktar minn 2000 persuna.

Mistoqsi jekk dawn l-abbużi skandalużi mhux se jitgħu l-Kungress Mondjali tal-Familji fl-Irlanda, Schonborn qal li li dan l-iskandlu “hu preżenti, hu reali, qiegħed magħna. Dan hu evidenti. L-aktar ħaġa importanti hi li niċċaraw x’ġara u mbagħad insibu mezzi biex fil-futur, affarijiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu.”

Il-Kardinal Schonborn jgħid li hemm rabta diretta bejn il-kriżi tal-abbużi u l-Kungress tal-Familji. “Inħoss li l-aktar soluzzjoni mportanti hi familja b’saħħitha.  Dak li jiġri bl-abbużi fil-familja u dak li ġara bl-abbużi fil-Knisja minn qassisin hi sejħa għal familji aktar b’saħħithom. Fejn ħlief fil-familja iż-żgħażagħ jistgħu jikbru f’relazzjoni b’saħħitha mas-sesswalità tagħhom?”

“Għalhekk il-Laqgħa Dinjija tal-Familji ġiet fi żmien tajjeb. Tajjeb li qed issir fl-Irlanda fejn ukoll saru ħafna abbużi kif ġara f’partijiet oħra tad-dinja u fil-Knisja.”

Meta tkellem dwar l-“Amoris Laetitia” Schonborn iddeskriviha bħala dokument sabiħ. Jikkumplimenta t-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar iż-żwieġ u l-familja. Ġiet fil-mument propizju bħala tagħlim prattiku u b’għeruq spiritwali, dwar iż-żwieġ u l-familja. Qal li l-kritiċi dejjem se ssibhom u wieħed irid jismagħhom sew iżda ma jiffukax fuqhom.

Fl-età ta’ 73 sena il-Kardinal Christof Schonborn għadu jista’ jkun kunsidrat bħala suċċessur tal-Papa Franġisku, jiddependi kemm idum dan il-pontifikat. Ħafna jsostnu li l-profil uniku tiegħu li hu ħabib kemm mal-fergħa konservattiva tal-Knisja u fl-istess waqt jaqbel ħafna mal-Papa Franġisku jagħmlu kandidat li jista’ jikseb kunsens.

Ikun xi jkun il-futur tiegħu, preżentement il-Kardinal Schonborn żgur hu wieħed mill-ewlenin biex ifasslu l-aġenda tal-Knisja mhux biss fl-Awstrija, imma wkoll fl-Ewropea u fid-dinja. Min jinjorah ikun qed jagħmel żball kbir.