Il-verità “mistura” dwar il-ħtif ta’ Martin Galea

Rapporti konfliġġenti fil-midja dwar il-każ tal-ħtif ta’ Martin Galea fil-Libja.
Filwaqt li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar qal li Martin Galea ma sofriex vjolenza, f’intervista ma' The Malta Independent, Galea stqarr li nżamm f’ċella u sofra vjolenza fiżika u psikoloġika mil-Libjani li ħatfuh.
L-eks membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, Martin Galea kien qed jaħdem fil-Libja ma’ kumpanija tal-enerġija meta nħataf minn grupp ta’ militanti armati Libjani.
Rapporti internazzjonali fosthom fil-Libya Herald qalu li tħallas rahan li jlaħħaq €400,000 biex Galea inħeles iżda l-Gvern ċaħad li ħallas rahan biex il-Malti nħeles wara 11-il ġurnata maħtuf.
F’sezzjoni tal-midja ġie rrappurtat kif kien hemm l-involviment ta’ qraba ta’ Ġeneral minn Zintan fil-ħtif ta’ Galea filwaqt li l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija żvela kif kien hemm Libjani qrib ħafna ta’ Malta, li kienu nvoluti fil-ħidma biex Martin Galea nħeles.
Hekk kif kważi għaddew 72 siegħa minn meta Galea wasal Malta, il-Gvern għadu ma għamilx konferenza uffiċjali bis-sehem tal-Ministeri nvoluti biex jgħaddi l-informazzjoni kollha fuq kif ġraw l-avvenimenti.
Fuq RTK, is-Sibt li għadda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella kien qal li wara li s-sigurtà ta’ Galea tkun assigurata ma kienx se jkun hemm ostakli biex il-Gvern jitkellem dwar il-każ.
Matul il-konferenzi tal-aġġornament dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, li qed isiru mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru intqal li l-Gvern għadu qed jistħarreġ il-każ ta’ Galea qabel ma jkollu stampa ċara ta’ x’ġara.
Jirriżulta li Galea diġa għadda l-verżjoni tiegħu lil gazzetta lokali.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ntbagħtu lill-kumpanija AGESCO li magħhom kien qed jaħdem Galea fil-Libja.