“Il-verità ma tistax toqtolha” – filmat ġdid dwar Daphne

Aġġornat 03:24 PM

Read in English.

L-Ewroparlamentari David Casa ppubblika filmat li xxandar illum fil-Parlament Ewropew dwar il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia u kif din inqatlet kawża tal-investigazzjonijiet ġurnalistiċi tagħha.

Il-filmat iħares lejn diversi mumenti fil-ħajja ta’ Caruana Galizia fejn hi ġiet mgħajra, mhedda u arrestata kawża ta’ dak li kienet tikteb fuq il-blog tagħha magħruf bħala Running Commentary.

Il-filmat ikompli billi jgħid li minkejja li lil Caruana Galizia qatluha nhar is-16 ta’ Ottubru tal-2017, il-verità ma tmut qatt.

Kemm fuq Twitter kif ukoll fuq Facebook Casa sostna li l-assassini fallew milli jwaqqfu lil Daphne milli tkompli tikxef il-verità. Casa sostna li l-verità hija immortali. Hu ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jara l-filmat u jxerred il-messaġġ tiegħu.

Il-Parlament Ewropew ifakkar lil Caruana Galizia u Kuciak

Il-Parlament Ewropew fakkar iż-żewġ ġurnalisti assassinati, Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, permezz ta’ avveniment fejn ġiet żvelata opra t’arti f’forma ta’ eżebizzjoni. L-avveniment ġie organizzat fil-Parlament Ewropew minn l-Ewroparlamentari Casa u l-MEP Slovakka Lucia Duris Nicholsonova.

Għall-inawgurazzjoni attendew qraba ta’ Caruana Galizia u Kuciak, kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness.

Fid-diskors tiegħu Casa, li huwa wkoll kwestur tal-Parlament Ewropew, insista li l-ġustizzja fl-assassinju ta’ Caruana Galizia għadha qed tiġi mwaqqfa. “Politiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk akkużati bil-qtil għadhom qed jiġru barra. Ma nistriħux qabel ma dawn jiġu arrestati u mressqa l-Qorti,” qal Casa.

Hu fakkar il-Parlament Ewropew talli dejjem ħadem mal-poplu Malti u Għawdxi u ma’ Caruana Galizia u familtha. “Ma nistgħu qatt inħallu li aktar ġurnalisti jgħaddu minn dak li għaddew Caruana Galizia u Kuciak,” qal Casa.