Il-verità dwar Egrant toħroġ wara r-rapport tal-Maġistrat – Michelle Muscat

Il-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, qalet li qed tistenna r-rapport tal-Maġistrat li warajh qalet li "toħroġ il-verità" dwar il-kumpanija Egrant.
Dan qalitu waqt intervista ma’ Claire Xuereb Grech fil-ktieb 'Joseph: Għaxar Snin Mexxej'. Dan il-ktieb ġie ppublikat għall-10 anniversarju mill-elezzjoni ta’ Joseph Muscat bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista fis-6 ta’ Ġunju 2008. Xuereb Grech hija l-awtur tal-ktieb ‘L-Elf Lewn ta’ Mintoff’.
Michelle Muscat qalet li “Joseph baqa’ kalm. Għax quddiem dawn l-affarijiet jibqa’ kalm. Baqa’ kalm għax ma kellux il-faħam miblul. La hu u lanqas jien. Bqajna ngħixu sereni u nkomplu f’xogħolna, u norqdu billejl, għax aħna nafu li ma jistgħu jsibu xejn, għax m’hemm xejn. Konna nitilfu s-serenità kieku konna nafu li għamilna xi ħaġa.”
Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li kien hemm dokumenti fis-safe tal-Bank Pilatus f’Ta Xbiex, li juru li l-ishma f’Egrant huma miżmuma minn rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca f’isem “Mrs Michelle Muscat”. L-allegazzjonijiet ġew miċħuda kemm mill-Prim Ministru kif ukoll minn martu.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.

“Xi darba għad irid jinkiteb ktieb dwar din l-istorja. Għalissa għadu mhux il-waqt. Imma jinkiteb!  Għalissa nistennew li joħroġ ir-rapport tal-Maġistrat. Imbagħad toħroġ il-verità” qalet Michelle Muscat.”
Michelle Muscat titkellem ukoll dwar l-eks impjegata ta’ Pilatus Bank Maria Efimova u t-tifla tal-President tal-Ażerbajġan Leyla Aliyev.
Fl-istess ktieb hemm intervista ma’ Joseph Muscat mid-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta' Malta il-Professur Andrew Azzopardi.
L-aħħar darba li Daphne Caruana Galizia semmiet il-kumpanija Egrant kien fl-aħħar blog post li kitbet qabel ma’ nqatlet. Qalet li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien qed jgħid li mhuwiex korrott minkejja li kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Prim Ministru Joseph Muscat li Caruana Galizia rreferiet għalih bħala “Mr Egrant”.
Carlo Bonini mill-gazzetta La Repubblica qal li l-ġurnalisti ta’ The Daphne Project iridu li toħroġ il-verità dwar min hu s-sid tal-kumpanija tal-Panama, Egrant. Huma qed jinvestigaw dan il-każ. 
Il-ktieb, Joseph: 10 snin mexxej, huwa introdott mil-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista. Qed jinbigħ mill-ħwienet tal-kotba.
Ritratti: SKS; Arkivji