Il-verdett dwar Manoel Island nhar il-Ħamis

L-iżviluppaturi wara l-proġett ta’ Manoel Island applikaw biex jirranġaw il-moll u l-faċilitajiet tal-marina filwaqt li jżidu n-numru ta’ rmiġġi f’Manoel Island. L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern nhar l-Erbgħa li għadda. Applikazzjoni separata f’Ottubru kienet qed tipproponi li jkun hemm reklamazzjoni ta’ art u li jintuża l-materjal li se jiġi ġġenerat mill-iskavar tal-viċin.

Il-proġett ta’ Manoel Island mistenni jiġi approvat nhar il-Ħamis li ġej meta jiltaqa’ l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Case Officer Report jirrakkommanda l-applikazzjoni biex tiġi approvata.

Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienet qalet li hemm bżonn moniteraġġ tax-xogħlijiet hekk kif hemm diversi fdalijiet arkeoloġiċi kif ukoll potenzjal li jinsabu fdalijiet. Skont is-Sovrintendenza, fuq il-gżira kien hemm diversi ċimiterji li ħafna minnhom intilfu fiż-żmien il-Kavallieri u l-Ingliżi. Skont il-Case Officer Report, is-Sovrintendenza qalet li hemm diversi siti li ġew identifikati bħala siti b’potenzjal li għandhom fdalijiet arkeoloġiċi. Saħqet ukoll li l-irmiġġi l-ġodda flimkien mal-helipad fuq il-breakwater jista’ jkollhom impatt fuq il-fdalijiet li jaf hemm f’qiegħ il-baħar.

L-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar saħqet li tixtieq tara li l-ispazji pubbliċi u l-art ta’ mal-baħar jibqgħu aċċessibbli, skont il-ftehim li kien ġie ffirmat flimkien mal-Fondazzjoni Manoel Island.

Is-sit ta’ Manoel Island kien għadda lill-iżviluppaturi permezz ta’ konċessjoni għal 99 sena. Il-proġett se jinkludi żvilupp estensiv ta’ residenzi u kumpless kummerċjali fuq parti kbira tal-gżira. Se jinkludi wkoll lukanda, każinò f’Lazaretto, numru ta’ appartamenti, ħwienet, marina u pjazez.

Ix-xogħol mistenni jiġġenera ammont ta’ skart ta’ kostruzzjoni.

Proġett kontroversjali

Il-proġett ma kienx wieħed nieqes mill-kontroversja hekk kif il-Kamp Emerġenża Ambjent kien fetħu l-grada li kienet qed timblokka l-aċċess ta’ Manoel Island għall-pubbliku. Kien wara li ntlaħaq ftehim, liema ftehim il-Moviment Graffitti kien stqarr li xorta mhux kuntent bih minħabba li parti minn Manoel Island xorta se tiġi żviluppata.

F’Novembru l-kumpanija MIDI p.l.c. kienet ċaħdet li l-bidliet proposti fil-Master Plan mhumiex se jaffettwaw l-għoli tal-bini u lanqas se jiġi kkunsidrat tibdil biex tiġi żviluppata xi żona ġdida ta’ bini.