Il-Venezuela qed tkun imċaħħda mill-affarijiet bażiċi tal-ħajja

Mons Victor Hugo Basabe,l-Isqof tad-djoċesi ta’ San Felipe fil- Venezuela - © ACN

Waqt il-164 Pelligrinaġġ tar-Rgħajja Divina, l-Isqof Basabe tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Venezuela li qal li hi waħda ta’ diżappunt kbir.

Il-qofol tal-Omelija li għamel fi tmiem il-pellegrinaġġ devot kien dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż li hu ddeskriva bħala waħda ta’ disperazzjoni u diżappunt iżda nsista li fil-fidi hemm it-tama li l-affarijiet jirranġaw.

L-indirizz tal-Isqof laqat lil kulħadd u kien fih messaġġ ta’ inkoraġġiment għall-poplu Venezuelan li bħalissa għaddej minn żminijiet diffiċli.  Il-pellegrinaġġ li hu waħda mill-akbar devozzjonijiet tal-Kattoliċi fil-pajjiż sar aktar kmieni dan ix-xahar.

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof Basabe  qal li l-poplu tal-Venezuela hu assedjat u hemm min irid ibaxxih u jċaħħdu mill-affarijiet l-aktar bażiċi tal-ħajja.  Tkellem dwar il-vjolenza istituzzjonalizzata li qed tippersegwita u tikkastiga lil dawk li ma jridux l-affarijiet jibqgħu kif inhuma u jridu bidla fil-mexxejja li qed iġiegħlu ħafna nies ifittxu orizzonti u modi ġodda biex jassiguraw li l-għixien tagħhom”.

Semma wkoll ir-realtà tal-professjonisti fil-qasam t tas-saħħa li “jagħmlu l-mirakli” biex jgħix f’pajjiż li ma jħallihomx “jeżerċitaw il-professjoni tagħhom imqar bl-inqas indispensabbli”.

Vittmi ta’ interessi ġeopolitiċi

Mons. Basabe tkellem ukoll dwar is-sitwazjoni internazzjonali u ġeopolitika li bħalissa qed tolqot il-Venezuela. Din hi sitwazzjoni manipulata minn interessi mċajpra li mhux interessi mill-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni li qed jitwasslu f’faqar kbir ħafna. Il-Pajjiż hu vittma ta’ sistema mmexxija minn persuni li jimpurtahom biss “x’se jiksbu mill-Venezuela u mhux x’jistgħu jagħmlu għaliha.”

L-Isqof sostna l-importanza li l-poplu jkollu politiċi li “verament iħobbu lil pajjiżhom u li jgħożżu prinċipji etiċi u ma jkollhomx interessi partiġġjani u moħħhom biss fihom infushom”.

Il-poplu tal-Venezuela hu għatxan għall-bidla imma kien tradut. “Dawk in-negozjanti tal-politika li l-poplu poġġa l-fiduċja tiegħu fihom għax suppost kienu favur il-bidla, spiċċaw biegħu lilhom infushom bil-ħabbiet”, żied jgħid l-Isqof.

“Għalhekk dan il-poplu hu vittma ta’ dawk li ħadu kontroll tal-pajjiż u jużaw il-forza biex iżommuh. Minkejja l-ħalfa li għamlu li jiddefendu l-pajjiż u liċ-ċittadini tiegħu, dawn xaqilbu politikament u b’mod kodard daru kontra l-poplu li qed jitolob għad-drittijiet tiegħu u għall-ġustizzja.”, żied jakkuża Mons. Basabe.

Omm imnikkta

Konxju mis-sinjifikat tal-pellegrinaġġ li hu magħġun mal-imħabba lejn il-Madonna Ragħjja Divina, l-Isqof qabbel it-tbatija tal-Madonna quddiem il-mewt ta’ binha Ġesù mat-tbatija ta’ miljuni ta’ommijiet Venezuelani li huma ffaċċjati bil-mewt ta’ uliedhom mill-ġuħ jew għax jitħallew weħidhom għax il-ġenituri kellhom jemigraw. Għalhekk l-Isqof talab lill-Madonna biex tinterċedi u tidħol għall-Venezuela u twassalha għal paċi vera, demokrazija sħiħa u libertà.

L-Omelija twila u enrġika tal-Isqof intlaqgħet b’applaws kbir mill-kongregazzjoni. L-Isqof għalaq b’messaġġ ta’ tama, fidi u għaqda għall-poplu tal-Venezuela. “Issa ż-żmien li jkollna fiduċja u ningħaqdu bħala poplu biex inkunu ħajt ta’ reżistenza paċifika kontra dawk li jridu jassedjawna u jwassluna biex nitilfu l-fiduċja f’Alla u f’destin aħjar għalina, billi jużaw il-poter u s-saħħa”.

L-Isqof ħeġġeġ lil kulħadd biex jiġġieled “l-imġieba ħażina li tħalli jikber il-ħażen flok dak li hu tajjeb u sewwa”.