Il-Velja tal-Għid tal-Assunta f’Għawdex se ssir bil-bibien magħluqa

Hekk kif in-numru ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19 qiegħed jerġa’ jiżdied, il-Velja tal-Għid tal-Assunta fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu li se ssir għada l-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu se ssir bil-bibien magħluqa b’numru limitat ta’ persuni. Din id-direttiva ħarġet mill-Isqof Mario Grech flimkien mal-Isqof maħtur Anton Teuma.

L-Isqfijiet spjegaw li għalkemm il-pubbliku ma jistax jattendi huwa mħeġġeġ biex jingħaqad mas-Santwarju ta’ Pinu għal velja ta’ talb permezz tal-mezzi tax-xandir. 

Il-Velja se tibda fit-8pm u se tkun imxandra fuq TVM2 u Radju Marija.

L-Isqfijiet ħabbru wkoll li l-adorazzjoni ta’ wara l-velja flimkien mal-quddiesa ta’ nofsillejl u l-quddiesa fuq l-Għolja Ta’ Għammar li ssir filgħodu kmieni nhar Santa Marija tħassru wkoll.