Il-Velja tal-Assunta f’Għawdex b’talb għall-Insara ppersegwitati

Waqt il-Velja Djoċesana tal-Għid tal-Assunta li saret fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech talab għall-Insara ppersegwitati fl-Iraq u l-Art Imqaddsa.
Fl-Omelija waqt il-Konċelebrazzjoni Solenni, l-Isqof Mario Grech qal li kif Marija ttellgħet is-sema rebbieħa fuq il-mewt, fil-ħajja tagħna l-Assunta tgħidilna li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. L-Isqof t’Għawdex saqsa għaliex fil-ħajja ta’ llum, id-droga qed issib suq ikbar u għaliex wieħed iċedi għall-agressività? Huwa qal li jekk wieħed irid jirbaħ fuq il-mewt, għandu jimxi fuq il-mudell ta’ Marija Assunta.
L-Isqof Mario Grech tenna l-appell tiegħu sabiex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu solidari mal-Insara fl-Iraq permezz tat-talb u l-għajnuna materjali.

Ritratt: Joseph Xuereb