Il-Velja ta’ Santa Marija tagħlaq is-Sena Marjana f’Għawdex

Joseph Xuereb

Read in English.

Is-Sena Marjana fid-Djoċesi ta’ Għawdex għalqet uffiċjalment lejliet il-festa ta’ Santa Marija waqt il-Velja tal-Għid tal-Assunta li nżammet fit-8pm quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-ewwel parti tal-Velja tmexxiet mill-Isqof il-ġdid miż-Żebbuġ (Għawdex) Mons. Giovanni Cefai mssp, tal-Prelatura ta’ Santiago Apóstol de Huancané fil-Perù, li għamel l-Affidament tiegħu lill-Madonna Ta’ Pinu. Mal-wasla tiegħu, waqt li l-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ taħt id-direzzjoni ta’ Dorienne Portelli kanta għall-aħħar darba l-Innu tas-Sena Marjana, l-Isqof il-ġdid ġie mlibbes il-mitra minn Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju.

Aqra: Bżonn li nitkellmu b’serjetà dwar il-ħajja spiritwali u mhux l-ekonomija – L-Isqof Grech

Iċ-ċelebrazzjoni kompliet bil-quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech bis-sehem tal-kappillani Għawdxin u bosta saċerdoti. Fl-omelija hu tkellem dwar ix-xewqa tiegħu li nibqgħu ngħożżu d-devozzjoni Marjana bl-għan li ninbnew fi Knisja mistika fejn l-Insara jgħaqqdu l-fidi mal-ħajja ta’ kuljum.

Fl-aħħar tal-quddiesa, tqassmet lil kull parroċċa f’Għawdex pjaneta bix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu, rigal mogħti mis-Santwarju lill-komunitajiet Għawdxin b’tifkira ta’ din is-Sena Marjana.

Is-Sena Marjana kienet infetħet uffiċjalment nhar Kristu Re, il-25 ta’ Novembru 2018. Fiha nżammu bosta inizjattivi sbieħ, bl-aktar waħda li spikkat fosthom kienet iż-żjara tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu fil-parroċċi Għawdxin f’Jannar li għadda.

L-inizjattivi marbuta ma’ din is-Sena jkomplu anki fuq livell pastorali, waqt li r-replika tal-Kwadru bħalissa qed iżżur bosta parroċċi f’Malta, fejn fl-aħħar ġimgħat kienet ukoll fid-Dar tal-Kleru.