Il-Vatikan uża lasers biex jipproteġi l-fjuri mill-gamiem

L-għotja tradizzjonali ta’ fjuri mill-Olanda biex tiżżejjen Pjazza San Pietru għall-festi tal-Għid, din is-sena minbarra fjuri kienet tinkludi wkoll ‘laser projectors’ u tajr tal-karti biex igerrxu l-gamiem mill-pjazza.
Tliet trakkijiet mimlija tulipani, ward, orkidej u fjuri oħra waslu l-Vatikan nhar it-Tlieta wara li kienu tbierku mill-Arċisqof ta’ Rotterdam f’Keukenhof, wieħed mill-akbar ġonna tal-fjuri fid-dinja.
Sa mill-1958, l-industrja tal-fjuri Olandiza ilha tirregala fjuri kull sena lill-Vatikan fl-okkażjoni tal-Festi tal-Għid bil-Papa jirringrazzja għal dan il-ġest waqt il-barka Urbi et Orbi.
Fil-fatt, il-Papa nhar il-Ħadd, fl-indirizz tiegħu qal: “Nirringrazzjakom għall-preżenza tagħkom, illum l-aktar festa importanti tal-fidi tagħna għax hi jum is-salvazzjoni tagħna. Grazzi speċjali għall-għotja tal-fjuri mill-Olanda.”
Madwar 30 ġennien kull sena jinżlu Ruma mill-Olanda biex iħottu l-fjuri mit-trakkijiet u jirranġaw l-għexieren ta’ eluf ta’ fjuri u arbuxelli, is-Sibt biex Pjazza San Pietru timtela bil-kuluri tar-Rebbiegħa f’Ħadd il-Għid.
Iżda s-sena li għaddiet kien hemm problema. 
Paul Deckers li jmexxi lil sħabu biex jarmaw il-Pjazza San Pietru qal li s-sena l-oħra meta marru fil-pjazza fis-6am f’Ħadd il-Għid induna li l-gamiem kien attakka l-fjuri. Għalhekk, meta rritornaw lejn l-Olanda xerred il-kelma li kien qed ifittex soluzzjoni biex ma jerġax jiġri l-istess din is-sena.
Irċieva aktar minn 400 risposta, fosthom waħda minn kumpannija li tipprovdi ‘laser projectors’ lill-ajruporti biex iżommu l-għasafar 'il bogħod. Idea oħra kienet li jagħmlu tajr f’forma ta’ għasafar tal-priża li l-gamiem kienu jevitaw istintivament. 
L-uffiċjali tal-Vatikan approvaw fil-prinċipju li jittieħdu dawn il-miżuri.
Deckers ċaħad li hu u sħabu jagħmlu dan biex iservi bħala riklam għall-industrja tal-fjuri Olandiża u sostna li s-sempliċi fatt li l-Papa jirringrazzjahom pubblikament, għalihom hu biżżejjed.
Charles Lansdorp kelliem għall-organizzazzjoni li tieħu ħsieb Pjazza San Pietru f’dawn il-festi, qal li l-lasers intużaw fil-lejl tas-Sibt u kmieni l-Ħadd filgħodu. Dawn ma jisparawx ir-raġġi tagħhom imma jitfgħu dawl aħdar fuq il-fjuri li l-gamiem idejjaqhom u allura jevitawh. Il-Ħadd fis-6am il-fjuri kienu sbieħ bħal meta tpoġġew.
L-agħar ħin għall-fjuri kien kmieni filgħodu meta l-pjazza tkun vojta min-nies u l-gamiem jattakka l-fjuri. Il-lasers ma kienx hemm bżonnhom matul il-quddiesa għax fil-pjazza kien hemm in-nies, li din is-sena kienu aktar minn 80,000 persuna.