Il-Vatikan se jwieġeb għall-akkużi ta’ Viganò

Il-grupp ta’ konsulenti prinċipali tal-Papa Franġisku qalu fi stqarrija li l-Vatikan qed jipprepara tweġiba għall-allegazzjonijiet li l-Arċisqof Carlo Maria Viganò għamel waqt li l-Papa kien qiegħed fi żjara fl-Irlanda, Viganò talab ukoll għar-riżenja tal-Papa.

L-istqarrija saret mill-grupp magħruf bħala ‘C-9’. Dan huwa grupp ta’ disa’ kardinali li l-Papa għażel minn madwar id-dinja biex jagħtuh pariri dwar ir-riforma tal-Kurja Rumana u tal-Knisja. Dawn il-kardinali fl-istqarrija li ħarġu wara l-ewwel jum tal-laqgħat tagħhom esprimew ‘solidarjetà totali mal-Papa fid-dawl tal-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar’. Huma qalu wkoll li l-Vatikan qiegħed iħejji stqarrija ‘bil-kjarifikazzjonijiet neċessarji’.

L-Arċisqof Viganò’ kien allega li fl-2013 kien informa lill-Papa bl-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali mill-Kardinal McCarrick ma’ seminaristi u qassisin. Huwa kien allega wkoll li ħafna persuni f’pożizzjonijiet importanti fil-Knisja kienu ħbew dak li kien jagħmel McCarrick meta kien Arċisqof ta’ Washington. L-istqarrija ta’ Viganò kienet ippubblikata f’websajt Kattoliċi konservattivi ħafna li huma magħrufin għall-kritika kostanti tagħhom tal-Papa.

Investigaw intom – il-Papa lill-ġurnalisti

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li l-Papa ta fuq l-arjuplan fi triqtu lura lejn Ruma mill-Irlanda huwa kien mistoqsi dwar l-istqarrija ta’ Viganò. Il-Papa kien qal li hu mhu se jgħid l-ebda kelma dwar dik l-istqarrija iżda stieden lill-ġurnalisti biex jagħmlu x-xogħol investigattiv tagħhom biex jeżaminawha sew. Huwa qal li forsi ‘l quddiem wara li l-ġurnalisti jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom forsi jgħid xi ħaġa. Iżda l-Papa fl-ebda ħin ma eskluda li jkun hemm spjega istituzzjonali kif il-kardinali konsulturi tal-Papa qalu issa li se jsir. Huma ma tawx data dwar meta se toħroġ l-istqarrija tal-Vatikan.

Nuqqasijiet fl-allegazzjonijiet

F’dawn l-aħħar ġimgħat siti tal-aħbarijiet, partikolarment siti Kattoliċi, kitbu ħafna dwar l-istqarrija ta’ Viganò. Ħafna wrew in-nuqqasijiet serji li kien hemm fl-istqarrija. Pereżempju Viganò qal li l-Papa Benedittu kien ħa miżuri dixxiplinari kontra l-Kardinal McCarrick u impedielu li jqaddes fil-pubbliku jew li jagħmel lekċers pubbliċi. Diversi ġurnalisti ppubblikaw dati u ritratti biex juru li McCarrick kompla jagħmel dan anke fil-preżenza tal-Papa Benedittu. Huma qalu li kieku Benedittu kien ta’ din l-ordni żgur li ma kienx se jħalli lill-Kardinal iqaddes miegħu.

F’Ġunju li għadda l-Papa Franġisku neħħa lil McCarrick minn kardinal wara li bord tal-Arċidjoċesi ta’ Washington kien qal li sabu allegazzjonijiet kredibbli kontra l-kardinal.