Il-Vatikan se jorganizza Djalogu dwar l-HIV fost it-tfal

Il-Kardinal Peter Turkson li se jorganizza d-Djalogu dwar l-AIDS fost it-tfal

Id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman, immexxi mill-Kardinal Peter Turkson se jlaqqa’ Djalogu biex jiddiskuti “Id-Dijanjosi u t-Trattament tal-HIV fost it-Tfal”. Din l-inizjattiva hi parti mill-kampanja tas-Santa Sede biex ikunu żviluppati l-aqwa mediċinali biex jikkuraw dawk li qed jgħixu bl-HIV, partikolarment it-tfal.

Il-laqgħa li se ssir fl-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi, li tinsab f’Ruma, qed tistieden il-kapijiet eżekuttivi ta’ kumpanniji tal-farmaċewtika u kumpannija li jagħmlu t-testijiet u d-djanjosi tal-mard, rappreżentanti ta’ gvernijiet u organizazzjonijiet li jipprovdu servizzi għal tfal ibatu mill-HIV.

F’April u Mejju tal-2016 kif ukoll fl-2017 kienu saru konsultazzjonijiet biex ikun imkejjel il-progress u jiżdied l-impenn biex jinsabu mezzi ta’ kura għat-tfal bl-HIV u dan id-djalogu se jkompli jaħdem fuq dawk il-konklużjonijiet.

Id-Djalogu għandu żewġ skopijiet ewlenin. L-ewwel wieħed li jistdja x’jista jsir biex jitneħħa l-istaġnar li qed jillimita l-aċċess għal prodotti u programmi li jiddijanjostikaw lit-tfal u t-tieni skop li jitħaffu l-istrateġiji biex il-kundizzjoni tkun identifikata malajr kemm jista’ jkun fost tfal li huma espostii għall-HIV biex dawn jibdew ikunu eżaminati u jingħataw il-kura meħtieġa.

Il-komunità internazzjonali qed tagħmel progress sinjifikati fejn tidħol il-kura tal-HIV u l-AIDS fost l-adulti. Iżda hemm aktar minn 120,000 tifel u tifla li jmutu kull sena minn kawżi marbuta mal-AIDS filwaqt li 13,000 oħra kull xahar jisfaw infettati bil-marda.

Id-Djalogu mistenni joħroġ bi Pjan ta’ Azzjoni maħsub li jintroduċi u jsaħħaħ strateġiji li jiddijanjostikaw il-marda; jintensifika l-impenn tiegħu f’dawk il-postijiet li joffru sfida u jfittex għall approvazzjoni tal-aħjar prodotti li jgħinu biex tkun djanjostika l-marda.