Il-Vatikan se jieħu grupp ta’ persuni fil-bżonn jaraw kompetizzjoni internazzjonali tal-atletika

runners

Il-Vatikan u l-Federazzjoni Taljana tal-Atletika qed jaħdmu flimkien biex iġibu f’Ruma madwar 250 persuna li ma għandhomx saqaf fuq rashom, imigranti jew foqra biex jassistu għall-Golden Gala tal-atletika li se ssir fl-istadium Olimpico ta’ Ruma.
 
Il-Vatikan qal li l-iskop  ta’ din l-inizjattiva kien biex jagħti lil dawn il-persuni fil-bżonn “lejla ta’ festa u ħbiberija” li tixhed il-viżjoni tal-Papa Franġisku li l-fqir ma għandux bżonn biss ikel u kenn imma wkoll ġesti ta’ solidarjeta’ ħbiberija u ferħ.
 
Voluntiera tal-organiżazzjoni tal-Karita, San Egidio u voluntiera oħra nhar il-Ħamis li ġej se jieħdu lil dawn in-nies għal dan l-avveniment. Min-naħa tagħha l-Federazzjoni tal-Atletika irriservat postijiet mingħajr ħlas għal dawn il-persuni f’dik li għal min hu familjari mal-istadium Olimpico hi magħrufa bħala il-“Curva Sud”, fejn dawn il-persuni barra li jassista għal din il-festa ta’ atletika se jingħataw ukoll ikla b’xejn.
 
Il-Golden Gala ssir kull sena u tiġbor fiha diversi kompetitizzjonijiet tal-atletika li fihom jieħdu sehem fost l-aqwa atleti mid-dinja fid-diversi dixxiplini.
 
Fl-imgħoddi l-Papa Franġisku kien ħa numru ta’ persuni fil-bżonn biex jaraw kunċerti, ikliet, ħarġiet ħdejn il-baħar u saħansitra jżuru l-Mużewijiet tal-Vatikan.
 
Dawn l-attivitajiet ikunu organizzati minn dak li hu magħruf bħala l-Almunier tal-Papa, li jaħdem fost il-foqra.  Din il-kariga bħalissa hi okkupata mill-Arċisqof Pollakk, Konrad Krajewsi li fid-29 ta’ Ġunju li ġej se jinħatar Kardinal.