Il-Vatikan kommess li jistudja r-rapport dwar l-abbużi sesswali

Il-Vatikan qal li r-rapport tal-Kummissjoni tal-Gvern Awstraljan dwar l-abbuż sesswali fost it-tfal u l-vulnerabbli huwa frott ta’ snin ta’ ħidma u jistħoqqlu li jkun studjat serjament.
Il-Kummissjoni twaqqfet fl-2013 biex tinvestiga kif aġixxew istituzzjonijiet bħall-iskejjel, klabbs, organizzazzjonijiet tal-Gvern u l-Knisja, meta kien hemm allegazzjonijiet dwar abbuż sesswali.
Fost 189 rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi li jsiru testijiet psikoloġiċi aktar estensivi fuq il-kandidati għas-saċerdozju u anke tistaqsi jekk iċ-ċelibat għandux isir għażla u għaldaqstant saċerodot jagħżel hu jiżżewwiġx jew le.
Stqarrija, maħruġa mis-Sala Stampa tas-Santa Sede, tinsisti li l-Vatikan jinsab kommess li ssir ġustizzja ma’ dawk li sfaw vittma ta’ abbuż sesswali, anke mill-membri tal-Knisja stess.
Tisħaq li s-Santa Sede se jibqa’ viċin il-Knisja fl-Awstralja u dawk kollha, mil-lajċi sal-kleru, li qed jakkumpanjaw lil dawn il-vittmi fil-proċess ta’ fejqan u ġustizzja.
Fakkret f’messaġġ li għadda l-Papa Franġisku meta ltaqa’ mal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Protezzjoni tal-Minuri u sejjaħ lill-Knisja biex turi kompassjoni ma’ dawk li sofrew, waqt li qal li l-Knisja tibqa’ kommessa li toħloq ambjenti siguri għall-protezzjoni tat-tfal u adulti vulnerabbli.
Din il-Kummissjoni kienet qajmet kontroversja sħiħa meta kienet ipproponiet li l-liġijiet li jitkellmu fuq rapporti li jsiru dwar abbuż sesswali fuq it-tfal għandhom “jeskludu kull skuża, protezzjoni jew privileġġ dwar il-qrar reliġjuż.”
Din ir-rakkomandazzjoni qajmet diskussjoni sħiħa. Fost l-oħrajn l-Arċisqof Charles Scicluna kien saħaq li s-sigriet tal-Qrar m’għandu qatt jinkiser. Spjega li s-saċerdot jista’ jitlob lill-vittma biex jiżvela l-każ barra mill-Qrar iżda insista li s-saċerdot ma jista’ qatt jiċħad lil min dineb.
Intant, f’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Andrew Azzopardi, li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli, fakkar f’rakkomdazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni, fosthom isemmi r-rakkomandazzjoni dwar il-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji u l-mod ta’ kif isiru l-investigazzjonijiet, kif ukoll dwar il-kunċett ta’ programm, bejn il-vittma u min jabbuża, sabiex il-vittma tasal tafdah
Huwa kien daħal ukoll fid-dettall dwar il-proposta li għandhom jiġu analizzati s-sentenzi li qed jingħataw mill-Qrati.
Saħaq li l-kwalità ta’ sentenzi f’każijiet ta’ abbuż jridu jiġu diskussa u staqsa għalfejn wieħed li jinstab ħati ta’ pussess ta’ droga jintbagħat il-ħabs u min jinstab ħati ta’ abbuż le.