Il-Vatikan joffri għajnuna ta’ esperti tekniċi għall-Katidral ta’ Notre Dame

Il-Katidral ta' Notre Dame mgħotti bid-dħaħaen nhar it-Tnejn filgħaxija

Il-Papa Franġisku meta kellem mal-Arċisqof ta’ Pariġi Michel Aupetit fejn wera d-dispjaċir tiegħu għan-nirien li ħakmu l-Katidral ta’ Notre Dame, offra għajnuna teknika biex dan is-santwarju storiku jinbena mill-ġdid.

“Wara n-nirien li qerdu parti kbira mill-Katidral, ningħaqad miegħek u mal-abitanti ta’ Pariġi u ċ-ċittadini Franċiżi kollha, fin-niket u d-dwejjaq għal dan l-inċident”, qal il-Papa lill-Arċisqof ta’ Pariġi. Huwa wiegħed li matul il-Ġimgħa Mqaddsa, waqt li l-Knisja tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, hu se joffri talb speċjali għall-poplu Franċiż.

Ħsara f’Simbolu Nazzjonali

“Dan id-diżastru”, kiteb il-Papa f’messaġġ lill-Arċisqof, “ikkaġuna ħsara serja f’bini storiku, imma nifhem li laqat ukoll simbolu nazzjonali għażiż għall-qlub tal-Pariġini u l-poplu Franċiż, huma ta’ liema twemmin huma”.

Il-Papa ddeskriva l-Katidral bħala “ġojjell arkitettoniku tal-memorja kollettiva” u qal li dan kien il-post fejn saru diversi avvenimenti u hu xhied tal-fidi u t-talb tal-Kattoliċi tal-belt kapitali Franċiża.”

Tama għall-futur    

Il-Papa Franġisku espirma l-apprezzament tiegħu għall-kuraġġ tal-pumpiera tat-tifi tan-nar li ħadmu biex in-nar ma nfirixx u wera t-tama li l-Katidral ikun restawrat għall-glorja li kellu.

“Jalla l-Katidral ta’ Notre Dame isir għal darb’oħra, wara l-isforzi għar-rikostruzzjoni u l-għajnuna ta’ kulħadd, sinjal tal-fidi ta’ dawk li bnewh”.

Papa Franġisku qal li dan is-santwarju li għandu 860 sena jirrappreżenta “il-wirt arkitettoniku u spiritwali ta’ Pariġi, Franza u l-umanità kollha.”

Nhar it-Tlieta, il-Kardinal Gianfranco Ravasi offra l-esperjenza teknika tal-Vatikan biex tgħin jinbena mill-ġdid il-Kattidral ta’ Notre Dame.

Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura qal lill-ġurnalisti li s-Santa Sede tista’ tieħu sehem f’oqsma speċifiċi għar-rikostruzzjoni tal-Katidral permezz tal-esperjenza teknika li għandhom il-mużewijiet tal-Vatikan.

“Aħna għandna esperjenza teknika rikonoxxuta mid-dinja kollha bħala ta’ kwalità għolja” qal il-Kardinal Ravasi. “Naħseb li l-Vatikan se joffri għajnuna sinjifikanti għar-restawr ta’ Notre Dame.”