Il-Vatikan jitfi l-funtani minħabba n-nixfa fl-Italja

Il-Vatikan ħabbar li se jitfi 100 funtana, inklużi ż-żewġ funtanti tal-Pjazza ta’ San Pietru minħabba n-nixfa li qed tolqot lil Ruma u ż-żoni tal-madwar.
Kelliem għall-Vatikan Greg Burke qal li din hija l-ewwel darba li l-Vatikan tefa l-funtani. Saħaq li dan sar għax il-Vatikan irid jgħin lill-pajjiż mill-kriżi li għaddej fiha tal-ilma. Żied jgħid li din id-deċiżjoni ttieħdet skont it-tagħlim tal-Papa Franġisku dwar l-ekoloġija.
Ruma sfat b’nuqqas ta’ ilma hekk kif ix-xita naqset b’medja ta’ 80% f’ċertu żoni tal-Italja. Skont il-meteoroloġi l-Italja kellha l-aktar rebbiegħa niexfa fl-aħħar 60 sena. Fl-ewwel sitt xhur, Ruma kellha biss 26 ġurnata bix-xita.
In-nixfa fl-Italja affettwat żewġ terzi tal-art agrikola u qed tiswa maż-żewġ biljun ewro.