Il-Vatikan jippubblika materjal biex jgħin fil-ġlieda kontra t-traffikar uman

Il-Knisja toffri riżorsi għall-ġlieda kontra t-traffikar uman

Fil-jiem li għaddew il-Vatikan ħareġ dokument intitolat “Pastoral Orientations on Human Trafficking” bl-iskop li “nifhmu, nagħrfu, nipprevenu u neradikaw il-pjaga tat-traffikar tal-persuni, nipproteġu l-vittmi u naħdmu biex ngħinu lil dawk li jsalvaw minn din il-pjaga. Hu stmat li f’sena din l-industrja tat-traffikar tal-persuni, tiġġenera madwar $150 biljun

Id-Dokument ta’ 36 paġna li kien preżentat mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, jesprimi l-importanza enormi li l-Papa Franġisku jagħti lill-miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal li jkunu traffikanti u miżmuma bħala skjavi kull sena.

Flimkien ma’ din il-gwida kien pubblikat ukoll ktejjeb li fih ġabra ta’ tagħlimiet tal-Papa Franġisku fuq l-emigranti, ir-refuġjati u t-traffikar uman, intitolat “Lights on the Way of Hope”. Dawn il-kitbiet kienu mxandra wkoll f’verżjoni elettronika bl-Ingliż u lingwi oħra. Din il-verżjoni diġitali se tibqa’ tkun aġġornata bil-kummenti li jagħmel il-Papa fuq is-suġġett aktar ‘l quddiem.

Skont id-‘Daħla’ tal-‘Orjentazzjonijiet Pastorali’ l-iskop tal-pubblikazzjoni hu li jipprovdi tagħrif fuq it-traffikar uman u biex nifhmu għaliex għandna nkomplu nsostnu din il-battalja twila kontra dan il-fenomenu. Il-ktejjeb hu riżultat ta’ konsultazzjoni wiesa’ ma’ mexxejja tal-Knisja, studjużi, esperti u organiżazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam.

Barra milli jagħti definizzjoni preċiża tat-traffikar human Pastoral Orientations jinvestiga xi jwassal għal dan il-fenomenu u jenfasizza l-importanza li nagħrfu r-realtà tat-traffikar u jiddeskrivi d-dinamika ta’ dan in-negozju malinn.

Id-Dokument jeżamina wkoll modi kif ikun miġġieled it-traffikar uman fosthom b’kooperazzjoni akbar bejn dawk li qed jiġġieldu din it-tip ta’ kriminalità, l-għoti ta’ appoġġ lill-vittmi u l-għajnuna lil dawk li jirnexxielhom joħorġu mill-iskjavitu.

Il-Vatikan jitlob biex ikun hemm assessjar etiku tal-mudelli ekonomiċi fl-industrji tal-agrikultura, is-sajd, il-kostruzzjoni u x-xogħol fil-minjieri, fejn it-traffikar uman għandu għeruq sodi.

Fl-introduzzjoni għal dan il-ktieb, il-Papa Franġisku kiteb li “Nittama li din il-ġabra ta’ tagħlim, iddawwal il-passi tagħna fit-triq tat-tama, tipprovdi ikel għall-ispirazzjoni u t-talb, priedki u azzjoni pastorali”.

It-Taqsima tal-Imigranti u r-Refuġjati fid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman, li ħarġet dawn il-pubblikazzjonijiet,  sa mit-twaqqif tagħha dejjem imxiet skont il-gwida ta’ Papa Franġisku.