Il-Vatikan jippubblika linji gwida għal każijiet ta’ abbuż sesswali

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Read in English.

Il-Vatikan ippubblika d-dokument Vademecum li huwa manwal ta’ struzzjonijiet bi tweġibiet għall-aktar mistoqsijiet pertinenti marbutin mal-abbuż sesswali ta’ minorenni li jsir minn membri tal-Knisja.

Dan il-manwal jikkonsisti f’disa’ kapitli u ftit aktar minn 30 paġna, u għandu jgħin lil dawk fil-Knisja li jkunu qegħdin jaffaċċjaw każ bħal dan u jkollhom bżonn linji gwida sabiex jimxu mal-proċedura. Saret talba għal dan il-manwal waqt il-laqgħa globali tal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali fuq il-Protezzjoni tal-Minuri li saret fil-Vatikan fi Frar tas-sena li għaddiet.

Il-Vademecum jinkludi informazzjoni legali fuq x’inhu reat u kif issir l-investigazzjoni, kif ukoll dwar x’jistgħu jkunu l-penali għal min jinqabad iwettaq reat ta’ abbuż sesswali. Il-manwal, imbagħad, jiffoka fuq erba’ aspetti ewlenin: il-protezzjoni tal-vittma, il-ħtieġa li l-informazzjoni allegata tiġi verifikata, il-komunikazzjoni dwar il-każ u l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat.

L-ewwel u qabel kollox, il-manwal jisħaq fuq il-bżonn li l-vittma tiġi protetta. Dan għandu jsir billi l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jiżguraw li l-vittma u familtha jkunu rispettati u jżommu d-dinjità tagħhom. Għandhom jiġu offruti sapport u anke servizzi speċifiċi bħal dawk mediċi u psikoloġiċi. L-akkużat ukoll għandu jingħata l-protezzjoni meħtieġa, billi pereżempju, ikun garantit id-dritt biex jiddefendi lilu nnifsu.

L-istorja allegata mill-vittma jew oħrajn għandha tiġi verifikata b’mod xieraq. F’każ li l-allegazzjoni ssir waqt is-sagrament tal-qrar, il-qassis irid jipprova jikkonvinċi lil dak li qed iqerr sabiex jipprovdi l-informazzjoni dwar l-allegat abbuż b’mod ieħor.

Id-dokument tal-Vatikan jagħti importanza wkoll lill-komunikazzjoni – li l-informazzjoni dwar il-każ tiġi komunikata b’mod xieraq ladarba l-każ ikun ġie verifikat, billi pereżempju, meta l-investigazzjoni tkun għadha f’fażi preliminari, tintuża kawtela permezz ta’ stqarrijiet qosra u konċiżi u mingħajr ma jsiru apoloġiji f’isem il-Knisja sabiex ma jkunx hemm preġudizzju dwar il-fatti.

Fl-aħħar, id-dokument jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Knisja u l-Istat jikkollaboraw. Dan jista’ jsir billi anke meta ma jkunx meħtieġ legalment, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jipprovdu rapport fuq il-każ lill-awtoritajiet ċivili konċernati.

Il-Vatikan jindika wkoll li għandhom jittieħdu xi miżuri ta’ prekawzjoni sabiex jiġi evitat skandlu u sabiex jiġi protett isem dawk involuti jew xi theddid li jista’ jsir lill-allegata vittma. Dawn jistgħu jiġu revokati meta l-proċess jiġi konkluż. Għandu jiġi evitat ukoll li qassis akkużat jingħata trasferiment. Minflok, m’għandux jitħalla jaħdem ta’ qassis.