Il-Vatikan jippromwovi r-rispett lejn l-anzjani

Is-Santa Sede ġeddet l-impenn tagħha li tkompli tippromwovi r-rispett lejn id-dinjità tal-persuni anzjani u tibqa’ tinsisti dwar il-kontribut li dawn jistgħu jagħtu lejn l-iżvilpp soċjali tal-komunità li jgħixu fiha.
Dan kien il-messaġġ li l-Arċisqof Bernardino Auza, Nunzju Appostoliku tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti, wassal f’laqgħa ta’ Working Group fuq l-Anzjani li saret aktar kmieni dan ix-xahar li saret fi New York.
Filwaqt li l-popolazzjoni tal-anzjani fid-dinja qed tiżdied b’rata mgħaġġla kemm bħala numru kif ukoll bħala perċentwal tal-popolazzjoni tad-dinja, l-attenzjoni għall-anzjani qed issir aktar kritika u għalhekk il-ħtieġa li jinħolqu metodi prattiċi konkreti biex nassiguraw id-drittijiet fundamentali ta’ din il-kategorija ta’ persuni.
Kif osserva il-Papa Franġisku “grazzi għall-progress fil-mediċina, il-ħajja twalet iżda s-soċjetà ma  espandietx daqskemm kibret il-ħajja. In-numru ta’ anzjani mmultiplika iżda s-soċjetà mhix organizzata biżżejjed biex tilqagħhom bir-rispett u d-dinjità li tixraq il-fraġilità tagħhom”.
L-anzjani huma aktar suxxettibbli għall-faqar, mard, diżabilità, iżolament soċjali, vjolenza, abbandun, abbuż, nuqqas ta’ aċċess għal ikel adegwat, kura medika ta’ kwalità, mezzi ta’ komunikazzjoni  u saħansitra mezz kif jistabbilixxu kumpanija. Ħafna drabi jsofru wkoll minn diżastri naturali, ġlied u  kriżijiet finanzjarji billi l-aċċess tagħhom għall-servizzi ta’ emerġenza ikunu limitati minħabba nuqqas ta’ mobilità u fatturi oħra marbuta mal-età.
L-Arċisqof Auza żied jgħid li ħafna drabi l-anzjani jkunu esklużi minn parteċipazzjoni attiva’ fis-soċjetà u fl-iżvilupp meta l-għerf u l-esperjenza tagħhom kif jgħid il-Papa Franġisku “bir ta’ għerf”.  Għalhekk wieħed għandu jaħdem biex nassiguraw parteċipazzjoni aħjar tal-anzjani fl-iżvilupp u fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna biex negħlbu dak li l-Papa jqis bħala “nuqqas tas-soċjetà li hi pprogrammata biex tkun effiċjenti u li konsegwentement tinjora lill-anzjani”.