Il-Vatikan jinsisti li l-assistenza kontinwa hu dover li ma tistax taħrab minnu

Vincent Lambert li hemm min irid iwaqqaflu l-ikel u x-xorb u jħallih imut

Il-Vatikan għamel sejħa biex tkun salvata l-ħajja ta’ Vincent Lambert u nsista li t-tkomplija tal-assistenza hi dover li wieħed ma jistax jaħrab minnu u jekk ma jsirx hekk ikun ksur serju tad-dinjità umana.

Dan il-messaġġ qawwi jinsab f’dikjarazzjoni konġunta li ħarġu nhar it-Tlieta d-Dikasteru għal-Lajċi, l-Familja u l-Ħajja u l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, dwar il-każ ta’ Vincent Lambert, persuna Franċiża b’diżabilità severa fejn qam dibattitu etiku dwar jekk għandux jitħalla jmut billi ma jingħatax aktar ikel u xorb.

Dritt għall-Ħajja

Il-Vatikan tenna li ż-żamma tal-ikel u l-ilma tikkostitwixxi ksur gravi tad-dinjità umana għalkemm “l-istat veġetattiv hu stat patoloġiku diffiċli, bl-ebda mod ma jikkomprometti d-dinjità ta’ dawk li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni u anqas jikkomprometti d-dritt fundamentali tagħhom għall-ħajja u l-kura li hi l-kontinwità tal-assistenza umana bażika.”

L-istqarrija tispjega li l-ikel u x-xorb huma kura essenzjali proporzjonata mal-“life support”. “Li tgħajjex persuna marida qatt m’hu ostinazzjoni terapewtika irraġjonevoli sakemm il-persuna tkun kapaċi tirċievi l-ikel u x-xorb u dan ma jikkaġunalhiex tbatija intollerabbli jew jagħmlilha ħsara”.

L-abbandun, ġudizzju bla ħniena

“Is-sospensjoni ta’ din it-tip ta’ kura tkun tfisser l-abbandun tal-pazjent bażat fuq ġudizzju bla ħniena u bla qalb tal-kwalita tal-ħajja, l-esprezzjoni tal-kultura tar-rimi li tagħżel fost il-persuni fraġli u vulnerabbli biex twarrabhom u tarmihom bla ma tagħraf l-uniċita u l-valur kbir tagħhom.”

Id-dikasteri nsistew li l-kontinwazzjoni tal-kura u l-għajnuna huma dover li wieħed ma jistax jaħrab minnu.

Huma wrew it-tama li malajr kemm jista’ jkun tinstab soluzzjoni li tipproteġi l-ħajja ta’ Vincent Lambert.

Nhar it-Tnejn il-Papa Franġisku qal fuq tweet “Nitolbu għal dawk li huma morda gravi. Ejjew nissalvagwardjaw il-ħajja, dejjem – mill-konċepiment sal-mewt naturali.  Ejjew ma nċedux għall-kultura tar-rimi”.