Il-Vatikan jinsisti fuq il-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-foresti

Il-Vatikan jemmen fil-ħtieġa urġenti li jkunu kkonservati l-foresti u li jkunu trattati sewwa n-nies li jgħixu fihom li qed ikunu sfruttati minn kumpanniji u industrjalisti kbar, li għall-qligħ tal-flus qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent u lill-popli indiġeni.
Dan stqarru Mons. Simon Kassas, Osservatur Permanenti tas-Santa Sede għan-Nazzjonijiet Magħquda, meta ndirizza t-13-il sessjoni tal-Forum tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Foresti, li ddiskuta Pjan Strateġiku għall-Foresti bejn l-2017-2030.
Hu qal li l-foresti jixirqilhom attenzjoni, studju u protezzjoni. Barra milli għandhom kontribut essenzjali fir-regolazzjoni tal-klima, fihom hemm teżor konsistenti f’diversi speċi. Xi pjanti li jinstabu fil-foresti kif ukoll xi organiżmi ċkejkna li minnhom jittieħdu ħafna sustanzi għandhom potenzjal mediċinali kbir ħafna. Pjanti oħra joffrulna ikel u ħwejjeġ essenzjali oħra.
Sfortunatament, ir-rata li biha l-foresti qed ikunu distrutti jew mibdula radikalment qed  tnaqqar mil-bijodiversità tagħhom tant li ħafna speċi ma jistgħux ikunu katalogati u studjati.
L-ossessjoni għall-profitti hi parzjalment responsabbli għad-deforestrazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità filwaqt li l-ġlieda ddisprata kontra l-faqar qed thedded ukoll dawn ir-riżorsi.
Filwaqt li l-iżvilupp industrjali wassal biex ċerti pajjiżi naqqsu drammatikament id-daqs tal-foresti tagħhom, id-dejn wassal lil xi pajjiżi oħra biex mexxew ir-riżorsi forestali tagħhom b’mod nieqes mill-għaqal bit-tama li se jnaqqsu d-djun tagħhom.
Għal din ir-raġuni wieħed ma jistax jirrifletti fuq il-prijoritajiet tematiċi u operazzjonali tal-Pjan Strateġiku għall-Foresti mill-perspettiva tal-pajjiżi żviluppati li għandhom kwalita’ ta’ ħajja ħafna ogħla minn dik tal-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja.
Kif qal il-Papa Franġisku, approċċ ekoloġiku serju dejjem jispiċċa wkoll approċċ soċjali li jintegra l-kestjonijiet ta’ ġustizzja fid-dibattiti dwar l-ambjent biex jisma kemm il-karba tad-dinja kif ukoll il-karba tal-foqra.
Mons. Kassas fakkar li l-Papa Franġisku speċifikament ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex dwar l-Amazonja jisimgħu dawn iż-żewġ ilħna.  Meta riċentement żar l-Amazon tal-Perù enfasizza l-problema li toħroġ mill-pressjoni li qed jeżerċitaw il-kumpaniji multinazzjonali u negozji kbar, li jridu jaħtfu l-Amazonja li fiha ż-żejt, il-gas, injam, deheb u diversi forom ta’ kultivazzjonijiet agrarji industrjalizzati.
Min-naħa l-oħra l-artijiet tal-Amazonja qed ikunu mhedda minn politika suppost maħsuba  biex jibdlu n-natura bla ma jagħtu każ in-nies li jgħixu fihom.
Il-Papa kien semma b’mod speċifiku li qed isiru manuvri li bi skuża li jipproteġu l-foresta, qed jaħtfu artijiet kbar u jinnegozjawhom u dan qed iwassal għal sitwazzjonijiet ta’ oppressjoni għall-popli indiġeni li b’riżultat ta’ dan qed jitilfu l-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali tagħha.
Dawn il-problemi qed jifgaw lill-poplu indiġenu u jwassal għall-emigrazzjoni taż-żgħażagħ għax ma jsibux opportunitajiet f’pajjiżhom.  Il-Papa Franġisku appella biex “ninqatgħu mill-paridgma storika li tħares lejn l-Amazonja bħala riżorsa li ma tispiċċa qatt għal pajjiżi oħra bla ma nagħtu każ il-bżonnijiet ta’ min jgħix fiha”.
Il-konservazzjoni tal-foresti għalhekk ma tistax issir à skapitu ta’ dawk il-komunitajiet li ilhom jgħixu fihom għal sekli sħaħ.
Fil-fatt id-drawwiet u l-istil ta’ ħajja tagħhom f’armonija man-natura ħafna drabi jikkontrivwixxu pożittivament għad-destinazzjoni universali tal-prodotti minn ġenerazzjoni għal oħra.
Dawn il-komunitajiet għandhom isiru protagonisti fil-konservazzjoni tal-ambjent u d-drittijiet u l-valuri tagħhom għandhom ikunu rispettati. Il-foresti jistgħu jkunu maniġġjati tajjeb biss bl-involviment kostanti u attiv tan-nies tal-lokal bil-kultura tagħhom.
Mons. Kassas temm jgħid li s-Santa Sede tappoġġja l-isforzi tan-Nazzjonijiet Magħquda biex ikun hemm titjib integrali fil-kwalità tal-ħajja, speċjalment ta’ dawk li waqgħu lura u dan jitlob li wieħed iżomm quddiem għajnejh l-ambjent li fih jgħixu dawn in-nies, inkluż dawk li jgħixu fil-foresti.