Il-Vatikan jilqa’ aktar refuġjati

Refuġjati fuq il-gżira ta' Lesbos ifittxu ażil

Illum, il-Ħamis, is-Santa Sede se tagħti merħba lil 33 refuġjat li se jaslu mill-gżira Ġrieġa ta’ Lesbos flimkien mal-Kardinal Konrad Krajewski li hu nkariga mill-Uffiċċju tal-Karitajiet tal-Papa. Għaxar refuġjati mistennija jaslu fl-Italja aktar tard dan ix-xahar.

Dawn il-persuni li qed ifittxu ażil ġejjin mill-Afghanistan, it-Togo u l-Cameroo.

Din l-inizjattiva saret fuq talba tal-Papa Franġisku li f’Mejju li għadda talab lill-Kardinal Krakewski biex jagħmel mod kif is-Santa Sede turi solidarjetà mar-refuġjati billi jgħin xi żgħażagħ u familji li kienu qed jaħarbu minn ġlied f’pajjiżhom u jgħinhom ifittxu ażil fl-Italja.

Wara xhur ta negozjati bejn il-Vatikan u l-Ministeru tal-Affarijiet Interni Taljan, ingħata permess biex jinġiebu grupp ta’ emigrant fl-Italja biex japplikaw u jingħataw ażil.

 L-għajnuna lil dawn ir-refuġjati se tingħata mill-Uffiċċju tal-Karita tal-Vatikan u mill-Komunita Sant’Egidio, movement ta’ lajċi Kattoliċi li jaħdem għall-paċi u l-għajnuna lill-foqra.

Fil-fatt, fl-ewwel jiem ta’ dan ix-xahar, il-Kardinal Krajewski li jmexxi l-Uffiċċju tal-Karità tal-Vatikan kien f’Lesbos flimkien ma’ xi uffiċjali tal-Komunità Sant’Egidio.

Dan il-vjaġġ seħħ wara aktar tliet snin u nofs minn meta l-Papa Franġisku kien żar il-gżira ta’ Lesbos f’April 2016 u meta rritorna lejn l-Italja kien ġieb miegħu tliet familji Sirjani li kienu qed ifittxu ażil. Fuq stedina tal-Papa grupp ieħor ta’ refuġjati Sirjani kienu marru l-Italja xahrejn wara dak il-vjaġġ.

Eluf jgħixu f’kampijiet iffullati

Lesbos hi gżira li serviet bħala post mnejn ħafna Sirjani u Afghani rnexxielhom jidħlu fl-Ewropa. Fuq din il-gżira hemm jgħixu mijiet ta’ eluf ta’ emigrant f’kampijiet, jistennew biex jidħlu fl-Ewropa.

Minn meta ġieb l-ewwel familji ta’ refuġjati f’Ruma, l-Papa spiss jistedinhom għall-ikel fir-residenza ta’ Santa Marta fil-Vatikan.

L-ewwel grupp minn dawn ir-refuġjati li l-Papa Franġisku kien ġieb miegħu minn Lesbos fl-2016 kien jikkonsisti minn tliet familji Musulmani li kien fihom 12-il persuna, fosthom sitt itfal. Id-djar ta’ dawn ir-refuġjati li kienu f’Damasku u Deir ez-Zor kienu sfaw bumbardjati.

It-tieni grupp li kien wasal f’Ruma f’Ġunju tal-istess sena kien magħmul minn sitt adulti, tnejn minnhom insara u tliet itfal. Dawn kienu kollha Sirjani li kienu fuq il-gżira ta’ Lesbos fejn kienu waslu fuq dgħajsa mit-Turkija.

Il-komunità Sant’Egidio ilha minn dak iż-żmien tgħin lil dawn il-familji Sirjani biex jintegraw fis-soċjetà Taljana u se tagħmel l-istess mar-refuġjati li waslu fl-Italja llum.