​Il-Vatikan jilqa’ aktar familji ta’ refuġjati

L-ewwel tliet familji ta’ refuġjati mis-Sirja li kienu milqugħa fil-Vatikan issa bdew ħajja ġdida fl-Italja u flokhom daħlu jgħixu tliet familji oħra f’appartamenti fil-Vatikan.
L-Uffiċċju li twaqqaf il-Vatikan biex jikkoordina l-opri ta’ karita’ tal-Papa Franġisku, ħabbar li żewġ familji nsara u oħra musulmana bdew jgħixu fil-Vatikan f’appartamenti li lejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016 kienu bdew jilqgħu fihom familji reguġjati.
Iż-żewġ familji nsara waslu fil-Vatikan f’Marzu wara li minħabba l-fidi tagħhom kienu maħtufa u diskriminati. Waħda mill-familji tikkonsisti f’omm u żewġ uliedha adoloxxenti, nanna, zija u mara oħra Sirjana li tgħix magħhom.,
It-tieni familji hi komposta minn koppja żagħżugħa u l-ewwel tarbija tagħhom – tifla bl-isem a’ Stella li twieldet ftit jiem biss wara li l-koppja daħlet tgħid fl-appartament fil-Vatikan.  L-omm kienet inħatfet għal diversi xhur mill-ISIS, iżda issa fl-Italja reġgħet kisbet is-serenita’ u serħan il-moħħ.
It-tielet familja, omm, missier u żewġt itfal, waslu fl-Italja fi Frar tas-sena l-oħra. It-tfal bdew jattendu l-iskola elementary fl-Italja filwaqt li l-omm qed tattendi korsijiet universitarji.
Il-Vatikan beda jilqa’ familji tar-refuġjati wara appell tal-Papa Franġisku f’Settembru tal-2015, meta kien appella biex kull parroċċa, komunita’ reliġjuża, u monastery fl-Ewropa, jieħdu familji ta’ reguġjati u jilqugħhom fi ħdanhom fid-dawl tal-kriżi umanitarja li nħolqot b’nies jaħarbu mill-gwerer u l-faqar.
L-Uffiċċju tal-Almunier tal-Papa barra milli qed jipprovdi dar għal dawn it-tliet familji, qed ikompli jgħin u jipprovdi għajnuna finanzjarja lit-tliet familji Sirjani li kienu waslu l-Italja mal-Papa Franġisku wara żjara  li kien għamel fil-ġżira Griega ta’ Lesbos u għal disa’ refuġjati oħra.