Il-Vatikan jikkundanna l-impatt tal-gwerer fuq it-tfal

Kulħadd fid-dmir jiddefendi tfal f'żoni ta' gwerra -Image by CodeCarvings Piczard |

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċisqof Bernardito Auza, osservatur permanenti tas-Santa Sede fin-Nazzjonijiet Uniti f’dikjarazzjoni li għamel waqt dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, iddikjara li “It-tfal u l-gwerrer ma għandhomx jissemmew fl-istess sentenza”.

Fl-istqarrija tal-Arċisqof li nqrat minn Mons. David Charters, iri-rappreżentant tal-Vatikan intqal li t-tema tad-dibattitu għandha ġġiegħel lil kulħadd jieqaf u jirrifletti: it-tfal u l-gwerra ma għandhomx jitħalltu flimkien, iżda madankollu għadna nisimgħu li għad hawn ħafna tfal fid-dinja li ħajjithom twaqqfet traġikament permezz tal-ġlied.

“Tfal li messhom huma liberi biex jitgħallmu u jilgħabu u jikbru fl-għarfien tagħhom infushom u fid-dinja ta’ madwarhom, minflok qed jispiċċaw vittmi ta’ nuqqasijiet gravi li mhux biss qed jisirqulhom tfulithom, imma wkoll jikkaġunawlhom ħsara kbira fiżika, emozzjonali, psikoloġika u soċjali, bl-effetti ta’ dan kollu fuq il-familji tagħhom u l-komunità in ġenerali.

Għajnuna inadegwata

“Kif juri l-aħħar rapport tas-Segretarju Ġenerali, ‘fi żmien ta’ gwerrer madwar id-dinja, miljuni ta’ persuni, l-aktar tfal m’għandhomx aċċess adegwat jew huma mċaħħda għal kollox minn għajnuna li hi essenzjali għall-ġid tagħhom.

“Biżżejjed wieħed jikkunsidra it-tellieqa għall-isfruttament tal-minerali u riżorsi prezzjużi oħra f’partijiet mill-Afrika, fejn tant tfal u żgħażagħ qed jitilqu l-edukazzjoni biex imorru jaħdmu fil-minjieri. Hu aktar ħażin meta t-fal ikunu sfurzati jiġġieldu fi gwerrer li ma ġiebux huma jew ikunu reklutati bl-iskuża li jaqilgħu xi ħaġa għall-familja tagħhom.

“Hemm bżonn neżaminaw il-kawża ta’ din is-sitwazzjoni; partikolrment kif żvantaġġi soċjo-ekonomiċi u n-nuqqas ta’ prospetti u opportunitajiet, spiss qed joffru alternattiva liż-żgħażagħ tagħna.

“Hu wkoll ta’ tħassib kbir li f’xi każi r-radikaliżazzjoni u l-ideoloġiji estremisti wasslu liż-żgħażagħ jiddeċiedu li jabbraċċjaw kawżi żbaljati u ta’ dannu u jsiru huma stess il-kawża tat-tifrik u d-disperazzjoni fil-ħajja ta’ tant oħrajn. L-edukazzjoni għall-paċi, kemm fil-familja kif ukoll fl-iskola u r-rwol kruċjali tan-nisa bħala għalliema tal-paċi, huma indispensabbli biex niġġieldu dawn il-kawżi.

Attakki indiskriminati     

“Gwerrer li ilhom għaddejjin, ħafna drabi f’żoni urbani, ifisser li l-iskejjel, iċ-ċentri mediċi u l-kenn, jisfaw fil-mira u jwasslu għad-distruzzjoni kompleta ta’ bini mportanti bħala huma ċ-ċentri tas-saħħa u l-iskejjel.

“Dawn l-attakki indiskriminati u sproporzjonati jiksru l-liġi internazzjonali u dik tad-drittijiet umani u għandhom jieqfu.  F’dan ir-rigward, dan l-aħħar, il-Papa Franġisku esprima t-tħassib kbir tiegħu għall-ħajja tat-tfal li nqabdu fil-bumbardamenti f’Idlib, fis-Sirja.

“is-Santa Sede tinnota l-evoluzzjoni tal-ħidma għaż-Żamma tal-Paċi tan-NU li tinkludi l-protezzjoni tat-tfal u tipprova tilħaq lill-gruppi armati fi sforz biex tinħoloq kultura ta’ paċi. Hemm ukoll inizjattivi ġodda li juru r-rieda tal-pajjiżi membri li jwaqqfu u jevitaw l-abbużi kbar kontra t-tfal f’żoni ta’ gwerra.  Hu nkoraġġanti li dawn l-inizjattivi jinkludu ħidma biex ikun ratifikat u mplimentat minn kulħadd, il-Protocoll għall-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati.

“Dan id-dibattitu għandu jikkontribwixxi biex titqajjem kuxjenza kollettiva fil-komunità internazzjonali, biex ikun assigurat li dawn it-tfal ma jintesewx u jsiru sforzi akbar biex jinħelsu t-tfal suldati u li l-vittmi ta’ abbużi gravi oħra jingħataw l-għajnuna biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

“Din l-għajnuna trid tinkludi lil dawk l-aktar vulnerabbli inkluż lil dawk it-tfal li twieldu wara vjolenza sesswali marbuta mal-gwerrer.  Tfal f’dawk iċ-ċirkostanzi ma għandhomx anqas dinjità u allura jridu jkunu protetti mill-vjolenza u l-mewt”, ittemm l-istqarrija tal-Arċisqof Auza.