Il-Vatikan jiċħad il-parteċipazzjoni tal-Papa fil-proċess ta’ paċi fil-Messiku

Pellegrini mill-Messiku f’waħda mill-udjenzi tal-Papa ta’ kull ġimgħa

Il-Vatikan ċaħad uffiċjalment li l-Papa Franġisku qed jipparteċipa fi proċess ta’ paċi mħabbar mill-Gvern Messikan ġdid tal-President Andres Manuel Lopez Obrador.

Loretta Ortiz, il-konsulent tad-drittijiet umani tal-President elett xellugi, ħolqot kontroversja meta ħabbret li l-Papa Franġisku kien aċċetta “li jipparteċipa permezz ta’ video conference” fit-taħditiet għall-paċi li hemm ippjanati.

Ortiz ħarġet din l-istqarrija wara laqgħa li kellha ma’ diversi membri tal-kabinett futur tal-Gvern ta’ Lopez Obrador, li rebaħ l-elezzjonijiet fil-bidu ta’ dan ix-xahar iżda li mistenni jidħol fit-tmexxija tal-pajjiż f’Diċembru li ġej.

Iżda fi stqarrija qasira tas-16 ta’ dan ix-xahar, il-kelliem tal-Vatikan, Greg Burke, ċaħad formalment dak li qalet Ortiz. “L-informazzjoni li l-Qdusija Tiegħu se jieħu sehem fit-taħditiet, ma fiha ebda verità”, kiteb Burke.

Wara ċ-ċaħda tal-Vatikan, Ortiz għamlet kjarifika fuq Twitter fejn qalet li “sal-lum” informalment biss wera x-xewqa tiegħu li jappoġġja dan il-proċess ta’ paċi. “Qegħdin fil-proċess li nagħmlu l-formalitajiet meħtieġa biex inkunu nistgħu norbtu fuq il-parteċipazzjoni tiegħu,” kitbet.