Il-Vatikan imħeġġeġ jibda jipproċessa każi ta’ ħasil ta’ flus

Għalkemm il-Moneyval, li hija l-aġenzija tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Ħasil tal-Flus, faħħret lill-Vatikan talli ffriża kull transazzjoni ta' flus suspettuża, u b'hekk iffriża ammonti konsiderevoli ta’ flus, min-naħa l-oħra kkritikatu li s’issa  għadu ma ressaq l-ebda każ ta' ħasil ta' flus fil-Qorti.
F’rapport ta’ 209 paġni dwar l-isforzi tal-Vatikan biex jipprevjeni l-ħasil tal-flus, l-aġenzija qalet li l-isforzi li qed isiru huma fid-direzzjoni t-tajba, u l-proċessi adottati qed jaħdmu b’mod effiċjenti. Madankollu l-Moneyval qalet li filwaqt li kienu ffriżati ammonti konsiderevoli ta’ flus, ma tressaq l-ebda każ dwar ħasil ta’ flus quddiem il-Qorti, u s’issa ma kienu konfiskati ebda flejjes.
Mill-2013 ‘l hawn, l-Awtorità dwar l-Informazzjoni Finanzjarja tal-Vatikan, li hija aġenzija interna li timmonitorja tranżazzjonijiet suspettużi ta’ flus, innutat 69 tranżazzjoni problematika ta’ flus u fetħet 27 investigazzjoni kriminali, iżda s’issa ebda wieħed minn dawn il-każi ma wasal quddiem il-Qorti.
Il-Moneyval ħeġġet lill-Vatikan biex jikkunsidra attivament li jappella minn sentenzi li jqis li kienu ħfief iżżejjed u appellat lill-Prosekutur biex ikun aktar pro-attiv u jmexxi każi kriminali.
F’każ riċenti li kien jinvolvi lill-eks-President u l-eks-Teżorier tal-Isptar tat-Tfal ‘Bambin Ġesu’, li jitmexxa mill-Vatikan, dawn kien implikati fl-użu ta' €422,000 biex sebbħu l-appartament ta’ Kardinal. L-eks-President kien instab ħati biss ta’ abbuż ta’ poter, u ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża waqt li l-eks-Teżorier kien liberat.
Filwaqt li f’dan il-każ ebda wieħed miż-żewġ akkużati ma jidher li ħa xi flus għalih għax kieku kien ikun hemm konfiska tal-flus, ma saret ebda talba biex dawn il-flus ikunu ritornati lill-Fondazzjoni li tmexxi dan l-isptar.
Każi oħra li jissemmew fir-rapport tal-Moneyval huma wieħed li jinvolvi eks-saċerdot li kellu kont mal-IOR – il-Bank tal-Vatikan – u li kien akkużat li xaħħam uffiċjal tal-istess Bank biex jiftaħ kont f’isem terza persuna. Ma ħarġu ebda akkużi dwar dan il-każ u aktar kmieni din is-sena il-każ waqa’ għal kollox.
Każ ieħor seħħ fl-2011 meta indivdwu li ma kienx residenti fil-Vatikan uża “safety deposit boxes” biex fihom poġġa €3.2 miljun u ttrasferihom lejn pajjiż ieħor bla ma għamel dikjarazzjoni. Dan il-każ għadu qed ikun investigat iżda s’issa ma ħarġu ebda akkużi.
F’risposta għar-rapport tal-Moneyval, il-Vatikan enfasizza l-progress li sar filwaqt li ammetta li hemm lok għal aktar titjib partikolarment mill-aspett ġudizzjarju u sostna li hu kommess li jieħu l-passi neċessarji biex jissaħħu l-isforzi biex jikkumbatti u jipprevjeni d-delitti finanzjarji.