Il-Vatikan iħeġġeġ biex l-ilma tajjeb għax-xorb ikun aċċessibbli għal kulħadd

L-isfidi li għandha d-dinja dwar l-ilma mhumiex biss sfidi tekniċi, ekonomiċi, politiċi u soċjali, imma fuq kollox huma wkoll sfidi etiċi.
Dan saħaq fuqu l-Arċisqof Auza, delegat tas-Santa Sede għan-Nazzjonijiet Magħquda, meta  ftit jiem ilu fi New York tnediet l-“International Decade for Action: Water for Sustainable Development”.
L-Arċisqof Bernardito Auza qal li s-Santa Sede dejjem enfasizzat li l-kwalità tal-ilma għax-xorb għall-foqra hi problema kbira u serja. Kull ġurnata, ilma kkontaminat qed iwassal għall-imwiet u mard ieħor ikkaġunat minn mikroorganiżmi u kimiċi li jkun fih l-ilma.
L-Osservatur Permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Magħquda ffoka d-diskors qasir tiegħu waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment internazzjonali fuq il-kwalità tal-ilma li għandhom aċċess għalih il-foqra.
Hu fakkar li l-Papa Franġisku enfasizza li l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb hu dritt bażiku u universali. Għalhekk għandu jkun hemm aktar fondi biex ikun assigurat li kulħadd, madwar id-dinja kollha, ikollu aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi tal-ilma għax-xorb u ħtiġijiet sanitarji u jsiru sforzi biex tonqos il-ħela u konsum esaġerat, filwaqt li jkun hemm kampanja ta’ edukazzjoni u għarfien dwar dan ir-riżors hekk importanti għall-ħajja tal-bniedem.
Fakkar li fl-aħħar ftit snin, il-mard tad-diżenterija u l-kolera, li huma marbuta man-nuqqas ta’ iġjene u nuqqas ta’ ilma, ikkawżaw eluf ta’ mwiet u huma l-kawża ewlenija ta’ mewt fost it-trabi.
Fl-Enċiklika “Laudato Si” il-Papa Franġisku qal li d-dinja għandha dejn soċjali kbir lejn dawk il-foqra li m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għx-xorb għax dawn qed ikunu mċaħħda mid-dritt għall-ħajja konsistenti mad-dinjità inaljenabbli tagħhom.
Huwa għamel riferenza għal diversi proġetti f’dan ir-rigward li għandhom l-appoġġ tas-Santa Sede, fosthom il-Fondazzjoni Ġwanni Pawlu II għas-Sahel, li tipprovdi ilma tajjeb għax-xorb lill-foqra, tippompja l-ilma u tħarreġ nies tekniċi jiżviluppaw l-agrikoltura.
Sostna li l-isfidi dwar l-ilma huma fuq kollox sfidi etiċi, u jinħtieġu bidla minn dak li l-Papa Franġisku jsejjaħlu “konverżjoni ekoloġika” għal kultura ta’ solidarjetà.