Il-Vatikan iġedded l-appell għad-djalogu fl-Art Imqaddsa

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin ġedded l-appell tal-Vatikan biex ikun hemm “djalogu dirett” bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.
F’intervista fil-gazzetta Taljana, Corriere della Sera, il-Kardinal Parolin qal li “l-unika soluzzjoni hu d-djalogu dirett bejn iż-żewġ partijiet biex jaslu għall-qbil fuq uħud mill-proposti.”
Is-segrtetarju tal-Istat reġa’ saħaq fuq il-pożizzjoni li kien ħa dwar Ġerusalemm: li Ġerusalemm tingħata status speċjali b’garanzija internazzjonali li l-belt tkun miftuħa għal-Lhud, Kristjani u Musulmani biex jipprattikaw ir-reliġjonijiet tagħhom u jingħataw aċċess għal siti tal-pellegrinaġġi.
Kompla jgħid li l-għan tal-Knisja hu li “tkompli xxandar il-valuri kbar tal-Vanġelu: il-paċi, id-djalogu bħala triq biex twassal għall-paċi, fraternità, solidarjetà. Hawnhekk, dawn il-kliem għandhom ikomplu jiġu ripetuti minħabba li jirriskjaw li jiġu miċħuda kuljum mill-fatti.”
Mistoqsi jekk il-Vatikan tkellemx mar-Re tal-Ġordan dwar din is-sitwazzjoni, il-Kardinal qal li l-Vatikan tkellem f’dan is-sens u qal li jaqblu li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati kif ukoll li hemm il-ħtieġa għal djalogu dirett bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bħala mezz biex tinkiseb il-paċi.
Fil-messaġġ tal-Papa f’Jum il-Milied, il-Papa appella għall-paċi f’Ġerusalemm.