Il-Vatikan iċanfar ‘l-UE għal kif qed iġġib ruħha quddiem il-migrazzjoni

Il-Vatikan ċanfar il-mod kif l-Unjoni Ewropea qed taġixxi u tindirizza l-isfida tal-migrazzjoni.
Dan b’reazzjoni għall-għajnuna li ntbagħtet f’isem il-Kummissjoni Ewropea lill-Italja fil-jiem li għaddew sabiex din tal-aħħar tirrispondi għall-migrazzjoni.
F’ittra lill-Prim Ministru Taljan, Paolo Gentiloni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal li se jibgħatlu €116 miljun u 500 tekniku biex jassistu lill-Italja.
Fil-faċċata tal-Gazzetta tal-Vatikan, L'Osservatore Romano, ġie rrappurtat li l-UE qed tagħmel ftit li xejn, speċjalment meta wieħed iqis il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mediterran, kif ukoll l-għajta konġunta ta’ bosta partiti sabiex tinsab strateġija komuni.
Nhar l-Erbgħa, ikompli l-artiklu mhux iffirmat, 13-il persuna mietu meta għerqet dgħajsa b’migranti fiha.
Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM), f’dawn ix-xhur tal-2017 waslu 93,000 migrant mill-Mediterran fl-Italja.
Dan jista’ jitqabbel mal-170,000 fl-2014, 154,000 is-sena ta’ wara, u 180,000 is-sena l-oħra.
Eluf intilfu fil-baħar.