Il-Vatikan għadu ma japprovax l-Ambaxxatur tal-Libanu

Il-Papa Franġisku rrifjuta li jaċċetta l-persuna proposta biex tkun l-Ambaxxatur tal-Libanu għall-Vatikan.
Il-Libanu ried jappunta lil Johnny Ibrahim li kien il-Konslu Ġenerali ta’ pajjiżu f’Los Angeles, iżda l-isem tiegħu kien ippublikat fil-midja qabel il-Vatikan ta l-kunsens tiegħu.
Iżda t-tħabbir tal-isem tad-diplomatiku qabel il-pajjiż li se jilqgħu, f’dan il-każ il-Vatikan, jagħti l-kunsens tiegħu imur kontra l-protokoll diplomatiku u f’għajnejn il-Vatikan dan hu nuqqas gravi.
Biex tkompli tgħaxxaqha kien irrappurtat ukoll li Ibrahim għandu rabtiet mal-mażunerija, li l-Papa tant ikkritika.
Il-Papa hu kuntrarju ħafna għal gruppi li jinfiltraw fil-Knisja. Infatti kien tkellem kontra l-mażunerija fl-2015, ftit wara li kien elett, u reġa’ tkellem kontra l-mażuni f’Turin fl-2015, meta kien qal fost affarijiet oħra li l-mażunerija kienet attiva ħafna fis-seklu 19 u anqas il-Knisja ma setgħet tagħmlilha xejn.
Min-naħa tiegħu Johnny Ibrahim ammetta li kien parti mill-mażunerija iżda llum m'għadux attiv.
Dan il-każ jixbaħ lil dak ta’ Laurent Stefanini, diplomatiku omosesswali rrispettat ħafna li Franza riedet taħtar bħala ambaxxatur għall-Vatikan.
Iżda anke f’dak il-każ, ismu kien ħareġ fil-midja qabel il-kunsens tal-Vatikan u li baqa’ ma kienx aċċettat, u dan kien wassal għal tilwima bejn Franza u l-Vatikan li damet sejra għal sena sħiħa.
Il-Libanu, li jinsab bejn is-Sirja u Iżrael, hu importanti ħafna għall-Vatikan.
Għaxart ijiem ilu, il-President tal-Libanu, Saad Rafic Hariri, iltaqa’ mal-Papa u flimkien iddiskutew il-Lvant Nofsani, il-kriżi tar-refuġjati u d-djalogu interreliġjuż.
Il-proċess tal-kunsens għall-ħatra ta’ ambaxxaturi, ħafna drabi hu meqjus bħala formalità iżda hu magħruf li l-Vatikan jagħtih ħafna importanza. 
S’issa l-Vatikan la kkonferma u anqas ċaħad l-għażla tal-Ambaxxatur il-ġdid tal-Libanu, u s-sitwazzjoni għadha xi ftit konfuża.