Il-Vatikan f’solidarjetà mal-Ukrajna

Bħala sinjal ta’ solidarjetà tal-Vatikan mal-Ukrajna, il-Kardinal Leonardo Sandri, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali, għamel żjara ta’ ġimgħa f’dan il-pajjiż li fir-reġjuni tal-Lvant tiegħu bħalissa hemm konflitti kbar.
Din iż-żjara saret fuq stedina tal-Arċisqof Sviatoslav Shevchuk, Kap tal-Knisja Kattolika Griega tal-Ukrajna.
Mal-wasla tiegħu fil-pajjiż il-Kardinal Sandri waqaf f’Maidan Square, fil-kapitali Kiev fejn fis-silenzju talab quddiem is-Salib li tpoġġa biex ifakkar il-protestita l-2014 u poġġa fjuri u xiegħel xema għall-vittmi ta’ dawk il-protesti. F’kiev hu żar ukoll u talab fuq il-qabar tal-Kardinal Lubomyr Husar li miet xahar ilu.
Il-Kardinal Sandri bierek u ċċelebra l-liturġija fil-Kattidral ta’ Exarchate, f’Kharkiv, li għadu qed jinbena. Hawnhekk, waqt l-omelija huwa qal li kemm fuq livell uman kif ukoll fuq livell kristjan, l-imħabba għall-verita’ li fdawlna l-appostli ma tħalliniex nibqgħu siekta u naċċettaw il-konlitti li hemm fil-pajjiż li minnhom qed isofru għexieren ta’ eluf ta nies.
Aktar tard tul iż-żjara tiegħu, il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Knejjes Orjentali mar lejn il-Lvant tal-Ukrajna fil-bliet ta’ Kramatorsk u Sloviansk li nħelsu mill-okkupazzjoni tal-2014.  Hemmhekk hu talab quddiem il-bini mġarraf u l-bankini mfarrka li huma xhieda ta’ kemm id-dinja insiet u ttraskurat dan ir-reġjun.
Fl-aħħarnett hu żar ċentri tal-Caritas li qed joffru ikel filwaqt li jakkumpanjaw mijiet ta’ tfal li ħajjithom inbidlet għal dejjem mill-ħsara u t-trawma tal-gwerra.